1 – Fra BONAVENTURA
A -Jekk jogħġbok introduċi ftit lilek innifsek:
Jien Fra Bonaventura mill-Indoneżja. L-Indoneżja hi attwalment l-aktar pajjiż popolat mill- Musulmani fid-dinja…. Fil-fatt 80% tal-Indoneżjani jħaddnu t-twemmin Musulman. Hemm ukoll però diversi entitajiet – għax l-Indoneżja hija maghmula minn ħafna gżejjer – bil-kulturi u t-tradizzjonijiet tagħhom.
Missieri u ommi huma t-tnejn Kattolici u aħna b‘kollox ħamsa fil-familja… għandi żewġt aħwa u jien il-fustani.
Aħna bħala Nsara, għall-grazzja t’Alla ftit niġu aggrediti …u ftit huma dawk il-Kattoliċi li huma ppersegwitati fiżikament… madanakollu, inti tifhem illi meta wieħed iħaddan twemmin differenti minn tal-maġġoranza, allura dan huwa dejjem aktar vulnerabbli mhux hekk?
B – X’inhi l-qagħda tal-Ordni Tereżjan fl-Indoneżja Fra Bonaventura?
Aħna – fl-Indoneżja għandna sitt kunventi – erba’ parroċċi u ħames monasteri – saċerdoti ninsabu ftit aktar minn erbgħin filwaqt li studenti tat-Teoloġija u tal-Filosofija ninsabu b’kollox sebgħa u tletin.
Ċ – X’kien li ħajrek tingħaqad mal-Karmelitani Tereżjani?
Li ħajjritni kienet il-kariżma Tereżjana għax it-talb li mingħajru ħadd ma jista’ jitqarreb lejn Alla, huwa l-essenzjal. Hemm imbagħad l-aspett komunitarju u dak fratern.
2 – Fra SALEĦ
A -Jekk jogħġbok introduċi ftit lilek innifsek:
Jien Fra Saleħ mill-Eġittu. Għandi 30 sena u ninsabu tmienja fil-famillja. Missieri, ommi u għandi żewġ aħwa subien u tlitt ibniet.
Fl-Eġittu l-maġġoranza huma ta’ twemmin Musulman – u l-perċentwal tal-Insara huwa ta’ xi 30% u Ii minnhom il-biċċa l-kbira huma Ortodossi… hemm ukoll dawk Protestanti – kif ukoll aħna l-Kattoliċi.
B – X’inhi l-qagħda tal-Ordni Tereżjan fl-Egittu
Fl-Eġittu aħna għandna żewġ kunventi – saċerdoti hemm tnax. Studenti ninsabu b’kollox erbgħa.
Ċ – X’kien li ħajrek tingħaqad mal-Karmelitani Tereżjani?
Jiena bdejt nitħarreġ bħala mekkanik – u kont immur nisma’ l-quddiesa fil-bażilika ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù ġewwa l-Kajr. Hemmhekk iltqajt ma’ saċerdot Karmelitan Tereżjan li qajjem fija l-interess f’din il-qaddisa tant popolari u dak kien il-bidu tas-sejħa vokazzjonali tiegħi. Ninsab kuntent ħafna ħafna.
3 – Fra JOSÈ
A -Jekk jogħġbok introduċi ftit lilek innifsek:
Jisimni Fra Josè u għandi 30 sena. Jiena gej mill-gżira tal-Madagaskar minn familja Kattolika ta’ sitta – Missieri, ommi, żewġ ħuti miżżewġin u ħija li hu iżgħar minni u li għadu d-dar mal-ġenituri. Fil-Madagaskar kwart tal-popolazzjoni hija Kattolika.
Ili għaxar snin fil-Karmelu Tereżjan u f’Diċembru ta’ din is-sena se nagħmel il-Professjoni Solenni ġewwa t-Teresianum, f’Ruma.
B – X’inhi l-qagħda tal-Ordni Tereżjan fil-Madagascar
Il-Karmelu Tereżjan fil-Madagaskar qiegħed kulma jmur dejjem jikber u jinfirex – aħna Kummissarjat fi ħdan l-Ordni. Għandna tnejn u erbgħin patri u bejn novizzi u studenti għandna wkoll ‘il fuq minn erbgħin.
Ċ – X’kien li ħajrek tingħaqad mal-Karmelitani Tereżjani?
Billi l-familja hi mill-belt kapitali li jisimha Antananarivo u fejn il-Karmelu Tereżjan għandu ‘l fuq minn għoxrin parroċċa – jiena bdejt inservi ta’ abbati f’waħda mill-knejjes li huma jieħdu ħsieb u dan wassalni biex insir midħla tal-Karmelitani Skalzi sa minn mindu kont tifel. U dan għenni ħafna fid-dixxerniment tal-vokazzjoni tiegħi fil-Karmelu Tereżjan.
4 – Fra DONALD
A -Jekk jogħġbok introduċi ftit lilek innifsek:
Jiena fra Donald tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u għandi tletin sena. Jien mill-Madagaskar u ġej minn familja ta’ Kattoliċi prattikanti. Ili għaxar snin li dħalt mal-Karmelitani Skalzi u ninsab kuntent ħafna.
B – X’inhi l-qagħda tal-Ordni Tereżjan fil-Madagascar
L-Ordni Tereżjan fil-Madagaskar qiegħed jinfirex ġmielu. Aħna għandna preżenza f’ħafna lokalitajiet fil-Madagaskar u anke bdejna missjoni fil-gżira ta’ Le Reunion. Għandna diversi parroċċi u bħala saċerdoti għandna ftit aktar minn erbgħin filwaqt li għandna sebgħa u tletin student – bejn dawk tat-Teoloġija u Filosofija u disa’ novizzi.
B’kollox għandna sitt idjar u erba’ monasteri li wkoll għandhom in-novizzi.
Ċ – X’kien li ħajrek tingħaqad mal-Karmelitani Tereżjani?
Dak li influwenzani biex nistaqsi fuq il-Karmelitani Skalzi kien il-ktieb ta’ San Ġwann tas-Salib It-Telgha tal-Għolja tal-Karmelu li saċerdot djoċesan kien sellifni….. mill-ewwel ħalla effett fuqi. Inħobb ħafna lil San Ġwann tas-Salib – kemm bħala reliġjuż – iżda wkoll għall-kitbiet tant profondi tiegħu. L-ispiritwalità Tereżjana hija sabiħa immens u nixtieq li ‘l quddiem, meta nordna saċerdot, inkun nista’ nxerridha biex tkun aktar apprezzata u magħrufa.
X’impressjoni se tieħu miegħek tat-Tereżjani f’Malta?
D – Għalkemm il-patrijiet huma kbar fl-età, li laqatni ħafna kien il-fatt li dejjem sejrin….. iħabirku ħafna, u mad-daqqa t’għajn jidher li huma apprezzati min-nies li faħħruhom ħafna. Tkun ħasra jekk ma jkollkomx vokazzjonijiet wara preżenza tant twila f’Malta.
Barra minn hekk, l-akkoljenza tal-patrijiet ma setgħetx tkun aħjar….. u ta’ dan ngħidilhom grazzi kif ukoll inwegħedhom li nitolbu għalihom.
VIDEO CLIP
Agħti daqqa ta’ għajn lejn dan il-video qasir :