Ħamsin sena ilu, l-Papa Pawlu VI ddikjara lil Santa Tereża ta’ Ġesu bħala l-ewwel Duttur tal- Knisja. Duttur huwa qaddis li ta kontribut siewi u fondamentali għall-Maġisteru) tal-Knisja.
B’kollox hemm 36 Dutturi tal-Knisja, u sa’ ħamsin sena ilu kienu kollha rġiel! Fis-27 ta’ Settembru 1970, l-affarijiet bdew jinbidlu…
Qalb il-poplu ta’ Alla, ħafna kienu ġa għarfu lil Santa Tereża bħala mara ta’ għerf spiritwali kbir. Per eżempju, fil-Knisja ta’ Santa Tereża Bormla hemm pittura kbira antika li turi lil Santa Tereża bilqegħda ma’ wieħed mill-aktar Dutturi famużi, San Tumas ta’ Aquino! Fil-1970 l-Knisja kkonfermat dak li l-poplu ta’ Alla kienu ilhom jaf!
Min Kienet Tereża ta’ Ġesu?
Ħafna jaħsbu li l-qaddisin kienu kwieti kwieti, bil kemm jitniffsu, moħħhom dejjem biex jitolbu u jagħmlu penitenza. U forsi kien hemm qaddisin hekk. Imma żgur li mhux kollha kienu hekk.
Santa Tereża kienet tifla mqarba ħafna meta kienet żgħira; tant li darba ħarbet mid-dar ta’ ommha u missierha biex tmur fl-art tal-Mori ħalli joqtluha u hekk tasal il-ġenna malajr malajr!
Meta kibret u saret tfajla, id-delizzju tagħha kien li taqra’ ħafna rumanzi mimlijin ħrejjef ta’ kavallieri u sinjorini. Mnalla dak iż-żmien ma kienx hemm l-internet għaliex żgur li kienet tagħmel straġi!
Meta missierha ma ridiex tidħol soru, hi qabdet u reġgħet ħarbet mid-dar u ngħalqet fil- monasteru ta’ l-Encarnacion fir-tarf ta’ Avila. Kellha mal-għoxrin sena.
Fil-kunvent ma kinetx xi xempju ta’ qdusija lanqas. L-ewwel dsatax il-sena kienet soru aktarx medjokri. Kienet popolari ħafna mas-sekulari u kienet tqatta sigħat sħaħ fil-parlatorju tpaċpaċ man-nies. Il-ħajja ta’ talb batiet minħabba dawn id-distrazzjonijiet kollha.
Imma Alla ndaħal fin-nofs kif jaf hu! Kellha disgħa u tletin sens meta “ġara li ġurnata waħda, meta dħalt fil-kor, rajt statwa li kienu poġġew hemmhekk… Kienu kisbuha għal xi festa. Kienet xbieha ta’ Kristu mimli ġrieħi. Kienet iġġiblek devozjoni kbira. Tassew qanqlitni u ndunajt kemm kien bata għalina! U jiena ma apprezzajtu xejn! Ħassejt qalbi se tinqasam. Intfajt fl-art ħdejn din ix-xbieha u bdejt nolfoq qisni tarbija. Tlabtu ħalli jsaħħaħni darba għal dejjem ħalli qatt aktar ma noffendih.”
U Alla semgħaha. Tereża intefgħet b’ruħha u ġisimha fuqu! Żewġ qaddisin kienu jaffaxinawha b’mod specjali. Waħda kienet Marija Maddalena, il-mara li kellha seba’ xjaten u l-ieħor kien Santu Wistin, “kelli devozzjoni kbira ħafna lejn Santu Wistin … għax kien midneb…”
Meta mbagħad intefgħet fir-riforma tal-Karmelu u bdiet twaqqaf monasteri tal-klawsura, ma nafx x’ma nqalgħax… Isqfijiet jippriedkaw kontra tagħha, qassisin jagħmlulha bsaten fir-roti, sorijiet jitkażaw biha, sekulari jgħajjruha… Imma hi kompliet miexja ‘l quddiem. Waqqfet sbatax il-monasteru tas-sorijiet tal-klawsura u saħansitra bdiet kunventi għall-patrijiet. Kienet mara determinata. Rasha iebsa. Kienet konvinta mill-idejal tagħha.
Duttura tal-Knisja
Imma r-raġuni għaliex il-Papa Pawlu VI ddikjaraha Duttura tal-Knisja ma kienx minħabba ħajjitha, imma minħabba l-kitbiet mimlija għerf li kitbet.
Santa Tereża ma kinitx tħobb tikteb. Dan għamlitu b’ubbidjenza għall-konfessuri tagħha. “Għall-imħabba ta’ Alla, ħalluni naħdem bic-combini tiegħi… La għandi saħħa u lanqas għandi moħħ biex nikteb!”
Madankollu, hija tappartjeni għal numru żgħir ta’ nies li kitbu xogħlijiet li jisfidaw il-mogħdija taż-żmien u li baqgħu jinqraw sekli wara.
L-ewwel xogħol tagħha hija l-Ħajja miktuba minnha nfisha, li bdiet fl-1561, meta kellha 46 sena, fuq talba tal-konfessur Dumnikan Fray Ibanez. Is-sottotitlu huwa “Il-Ktieb tal-Ħniena tal-Mulej”. Il-ħniena hija l-qalb ta’ Alla, jinsisti l-ħin kollu Papa Franġisku! In-narrattiva hija miksura b’numru ta’ kapitli li jittrattaw fuq it-talb – klassiku fihom nfushom.
Ftit wara li temmet il-Ħajja, hija bdiet It-Triq tal-Perfezzjoni, li kitbet għall-benefiċċju tas-sorijiet tagħha ta ’Avila għaliex l-Inkwizzjoni kienet tefgħet għajnejja fuq l-ewwel kitba tagħha! Ktieb mimli entużjażmu fuq il-ħajja interjuri. “Tlett virtujiet huma basici għall-ħajja ta’ talb – l-imħabba fraterna, id-distakk u l-umiltà!”. Tinsisti wkoll kif fit-talba tal-Missierna hemm miġbur dak kolli li nistgħu jew li għandna nitolbu lil Missier tagħna tas- Sema..
Il-Kastell Ġewwieni huwa ġawhra oħra. Kitbitu fl-1577, fl-eqqel tal-maltempata kontra r-riforma tal-Karmelu. “Bdejt naħseb fir-ruħ bħallikieku kien kastell magħmul minn djamant wieħed, li fih hemm ħafna għamajjar…” Ftit huma l-awturi ta’ spiritwalita li daħlu daqshekk fil-fond fil-ħajja ta’ interjorita’.
Mhux ta’ b’xejn li, bħal ma hemm mnaqqax taħt l-istatwa tagħha li tinsab biswit l-artal maġġur tal-bażilka ta’ San Pietru, il-Vatikan, Tereża hija magħrufa bħala ‘Magister spiritualium’ – Għalliema tal-ħajja spiritwali.
Imma bla dubju, l-aktar ktieb eccitanti huwa l-Ktieb tal-Fondazzjonijiet! Hawnhekk joħroġ car il-karattru u t-temperament tagħha, l-kuraġġ, is-sabar, il-makakkerija u l-umoriżmu tagħha. Kien lest ftit xhur qabel ma mietet. Mara ta’ sensibbiltà kbira u ħafna sens komun, perċettiva u positiva għall-aħħar ….
Iva, mhux ta’ b’xejn li l-Papa Pawlu VI wara li staqsa i-parir ta’ ħafna esperti, iddikjara lil Santa Tereża bħala l-ewwel duttur mara tal-Knisja!
Illum
Illum Santa Tereża għadha tgħix f’uliedha – is-sorijiet u l-Patrijiet Tereżjani – u fil-kitbiet tagħha.
Hawn Malta għandna x-xorti li għandna żewġ monasteri tas-Sorijiet Tereżjani. It-tnejn huma klawsura – wieħed ġewwa Santa Margerita Bormla, u l-ieħor il-Monasteru Omm t’Alla f’Tal-Virtu’ r-Rabat.
Il-Patrijiet għandhom erba’ kunventi – ġewwa Bormla l-Knisja Santa Tereża, li hija l-ewwel knisja fid-dinja li ġiet dedikata lill-qaddisa, ġewwa B’kara fis-Satwarju Santa Tereżina, ġewwa Ta’ Xbiex fil-parrocca San Ġwann tas-salib u fid-Dar Tat-Talb Tas-Silġ, limiti ta’ M’xlokk.
Il-kitbiet tagħha kollha ġew maqluba bil-Malti u jinsabu għall-bejgħ fil-kunventi tal-Patrijiet Tereżjani.
Dan l-artiklu deher oriġinarjament fil-LEĦEN fid-19 ta’ Settembru 2020.