Minkejja li ilu mejjet ’il fuq minn 100 sena, il-marka żelanti u umanitarja li ħalla warajh P. Gerardo Beccaro ta’ San Ġużepp, għadha tinħass sew fl-Italja, pajjiżu, kif ukoll f’artijiet imbiegħda fejn ħadem bħala missjunarju.
Imwieled ġewwa Grognardo, Alessandria, fl-Italja, nhar it-18 ta’ Jannar 1846, Giuseppe Beccaro kien is-sitt wild fost tmint itfal tal-koppja Pietro Antonio Beccaro u Teresa xebba Bono. Fi tfulitu, nissel rabta qawwija ma’ tnejn minn ħutu l-kbar, il-Kommendatur Innocenzo Giano Battista – magħruf għall-filantropija kbira tiegħu, li għaliha kien onorat b’diversi titli u onorefiċenzi kavalleristiċi – u Innocenzo Giano Battista, li ħadem ħafna għall-familja Beccaro wara l-mewt tal-missier u baqa’ sal-aħħar viċin ħafna ta’ Patri Giuseppe fl-iżjed mumenti diffiċli li kellu jiffaċċja ’l quddiem f’ħajtu. It-tifel tal-imsemmi Innocenzo Giano, il-Kommendatur Pietro, kellu jkun aktar tard ukoll bniedem qrib ħafna ta’ zijuh il-patri.
Il-ġenituri ta’ Giuseppe ħadu ħsieb irawmuh f’edukazzjoni xierqa, għalhekk daħħluh fis-Seminarju Veskovili ta’ Acqui. Sadanittant, ħuh Giacomo ssieħeb fl-Ordni tal-Patrijiet Karmelitani Tereżjani Skalzi bl-isem reliġjuż ta’ Leopoldo Maria ta’ San Ġużepp. Dan ir-reliġjuż ħadem għal snin twal bħala missjunarju ġewwa l-Malabar u oqsma oċċidentali oħra fl-Indja u l-madwar. Meta rritorna pajjiżu, kien appuntat superjur tal-Provinċja tal-Liguria. Miġbud mis-sura ta’ ħajjet ħuh, it-tfajjel Giuseppe issieħeb huwa wkoll fl-Ordni Karmelitan Tereżjan u fl-età bikrija ta’ 15-il sena, irċieva l-abitu tal-imsemmi Ordni fil-kunvent ta’ Concesa nhar l-14 ta’ Jannar 1861 bl-isem reliġjuż ta’ Gerardo ta’ San Ġużepp. Wara l-professjoni tal-voti sempliċi fl-14 ta’ Novembru 1862 f’Concesa, irħielha lejn Ferrara fejn temm b’suċċess l-istudji filosofiċi. Fit-13 ta’ Jannar 1866, kien affiljat għal dejjem fi ħdan l-Ordni tal-Patrijiet Karmelitani Skalzi permezz tal-professjoni solenni.
Dak iż-żmien, il-Knisja fl-Italja kienet għaddejja minn turmenti ħorox imqanqla mil-libertà statali. L-ordnijiet reliġjużi għaddew minn soppressjoni qawwija sforz tal-liġi numru 777 tal-25 ta’ Awwissu 1848 u ta’ dik numru 2036 tas-7 ta’ Lulju 1866. Taħt dawn il-liġijiet, il-Karmelitani Skalzi tal-Provinċja tal-Lombardia tilfu l-artijiet kollha u tħallewlhom biss żewġ kunventi, dawk ta’ Ferrara u ta’ Concesa. Quddiem dan ix-xkiel, Fra Gerardo ħass li f’pajjiżu ma setax iwettaq il-ministeru reliġjuż u saċerdotali tiegħu u għalhekk iddeċieda li jmur il-missjoni. Ordnat saċerdot nhar it-2 ta’ Awissu 1868, Beccaro embarka mill-port ta’ Brindisi sabiex imur ħdejn ħuh P. Leopoldo ġewwa l-Malabar fl-Indja, fl-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.
L-Appostolat ta’ P. Gerardo
Ġewwa l-Malabar, l-aħwa Beccaro wettqu ħidma umanitarja għal snin sħaħ mal-foqra u l-emarġinati tad-distrett. Damu hemm sal-1876, meta t-tnejn li huma ntalbu jirritornaw l-Italja mis-superjuri tagħhom sabiex jassistu fir-“rikostruzzjoni” tal-Provinċja tal-Lombardia. P. Gerardo kien mibgħut Piacenza, fejn dak iż-żmien il-Patrijiet Tereżjani kienu alloġġjati f’dar fi Triq Caccialupo, wara li kemm il-knisja ta’ Santa Tereża, kif ukoll il-kunvent li kellhom anness magħha, itteħdulhom. Apparti minn hekk, fl-1866, itteħditilhom ukoll il-knisja ta’ Sant’Anna li kellhom fil-viċinanzi. P. Gerardo ħadem sabiex jakkwista lura l-ewwel il-knisja ta’ Santa Tereża u wara dik ta’ Sant’Anna, iżda meta ra li t-talbiet tiegħu waqgħu fuq widnejn torox, tkellem ma’ Mons. Giovanni Battista Scalabrini, dak iż-żmien isqof ta’ Piacenza, illum il-ġurnata beatu, dwar il-possibiltà li tinbena knisja ġdida b’kunvent magħha. L-isqof, li kellu stima kbira lejn il-Patrijiet Karmelitani Skalzi, ħa gost bil-proposta u approvaha. Għalhekk Beccaro ħa ħsieb jixtri biċċa art fi Triq l-Arkivju u x-xogħol tal-kostruzzjoni tnieda minnufih, bin-nies tal-post malajr tagħti l-kontribuzzjonijiet tagħha peress li l-idea ta’ knisja ġdida għoġbot lil bosta. Fl-istess żmien irnexxielu jikseb ukoll proprjetà oħra li darba kien kunvent tal-Patrijiet Dumnikani, maġenb il-knisja ta’ San Giovanni in Canale, li fi żmien it-taqlib imsemmi kien ġie mibdul f’Casa Popolare u depożitu tal-armi.
Nhar l-10 ta’ Frar 1884, grazzi għall-ħidma ta’ P. Beccaro, ġiet inawgurata l-knisja l-ġdida ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu. Fl-1881, Beccaro kien elett pirjol tal-komunità Tereżjana u dlonk beda jaħseb biex iwaqqaf kulleġġ għall-vokazzjonijiet Tereżjani, wara li dawn tista’ tgħid kienu sfaw fix-xejn wara l-oppressjoni politika li nqalgħet fiż-żmien li fih seħħet l-Unifikazzjoni tal-Italja, li laqtet mhux biss lill-Karmelitani Skalzi, iżda saħansitra lis-seminarji djoċesani u lil kull ordni reliġjuż ieħor madwar l-Italja.
Wara ħafna qtigħ il-qalb sabiex jikseb biċċa art fi Piacenza, Beccaro rnexxielu jieħu taħt il-ħarsien tiegħu l-kunvent Karmelitan ta’ Cherasco, li kien ikkundannat, u wara li ħa ħsieb jirrestawrah, biddlu f’kulleġġ, li kien inawgurat taħt il-patronċinju ta’ San Ġużepp fil-15 ta’ Ottubru 1890, b’P. Beccaro bħala l-ewwel rettur tiegħu. Kienu bosta dawk iż-żgħażagħ li bis-saħħa ta’ dan is-saċerdot ħaddnu l-Karmelu Tereżjan u wara l-ordinazzjoni saċerdotali tagħhom, servew sew fi ħdan il-Provinċja Karmelitana tal-Lombardia kif ukoll qabdu t-triq lejn il-missjoni u ħadmu b’mod speċjali fl-Indji Orjentali.
Fundatur ta’ opri diversi
Fl-14 ta’ April 1894, P. Beccaro kien elett Provinċjal tal-Provinċja tal-Lombardia u hekk kiseb l-opportunità sabiex jerġa’ jistabbilixxi t-Tereżjani ġewwa Milan, li meta sforz tal-oppressjoni tal-1805 kienu tilfu l-kunvent tagħhom ta’ San Carlo, minn dakinhar ma deherx Tereżjan ieħor fil-belt. L-Arċisqof ta’ Milan, il-futur Kardinal Beatu, Mons. Andrea Carlo Ferrari, ħareġ permess lil Beccaro sabiex jibni kunvent ġdid qrib l-Arco della Pace ġo Sempione, fejn kien hemm bżonn kbir ta’ ħidma qalb l-emarġinati tad-distrett. Għall-ewwel, P. Beccaro xtaq jixtri l-art li fuqha kien hemm il-Casa Ecclesiastica ħdejn il-knisja ta’ Sant’Amborgio ad Nemus, wara li s-saċerdoti anzjani tal-Arċidjoċesi ta’ Milan residenti ġo din id-dar kienu ttrasferiti ġewwa Corso San Celso, iżda s-somma ta’ 160.000 lire kienet wisq għalih biex ikun jista’ jakkwistaha. L-art spiċċat inxtrat għas-somma ta’ 110.000 lire mill-Beatu Dun Giuseppe Guanella, fundatur tas-Sorijiet Servi della Carità u tal-Figlie di Santa Maria della Provvidenza. Fuq l-imsemmija art, Dun Guanella waqqaf il-Pia Casa dei Poveri f’Sant’Ambrogio ad Nemus, li llum iġġib l-isem tal-Istituto Don Guanella.
Intant, fl-aħħar ġurnata tal-Kungress Ewkaristiku Nazzjonali li sar ġewwa Turin bejn it-2 u s-6 ta’ Settembru 1895, P. Beccaro esprima lill-parteċipanti kollha x-xewqa li jwaqqaf maqdes iddedikat lis-Santissimu Sagrament. Il-figura axxetika ta’ dak il-patri liebes il-kappa Karmelitana, laqtet lil bosta u d-diskors sempliċi u qasir li nieda sabiex juri din ix-xewqa tiegħu wasslet biex inħariġlu l-permess għall-bini ta’ dan is-santwarju li kien ilu joħlom li jwaqqaf snin kbar u li fih sab l-għajnuna sinċiera ta’ għadd ta’ erwieħ qaddisa fosthom il-Beatu Kardinal Andrea Carlo Ferrari, il-Beatu Dun Giuseppe Guanella u l-Beatu Mons. Giovanni Battista Scalabrini.
Is-santwarju twaqqaf fuq sit ta’ elf mil kwadru. L-ewwel ġebla tqiegħdet kif kien jixraq mill-istess fundatur, P. Beccaro, li mhux biss ħareġ bl-idea li jwaqqaf dan is-santwarju tant devot, iżda wkoll ħa ħsieb jagħmel id-disinn tiegħu flimkien ma’ dak tal-kunvent li kellu jsorġi maġenb il-knisja, megħjun mill-periti Ippolito Marchetti u aktar tard minn Francesco Solmi, wara li Marchetti miet għal għarrieda fl-età bikrija ta’ 32 sena. Ix-xogħol beda fix-xahar ta’ Awissu 1895 taħt il-barka tal-Kardinal Ferrari u sabiex jinkisbu aktar fondi, bl-approvazzjoni tal-Papa Ljun XIII, Beccaro waqqaf is-Santa Lega Eucaristica. Għall-membri ta’ din l-għaqda, P. Beccaro beda joħroġ ġurnal darba fix-xahar, bl-isem “L’Aurora del SS. Sacramento” li kien jistampah fit-tipografija ċkejkna li kellu u li biż-żmien ħadet l-isem ta’ “Casa Editrice Santa Lega Eucaristica” u kellha ssir fis-snin li segwew waħda mill-aqwa stamperiji reliġjużi fl-Italja kollha.
Bis-saħħa ta’ din ix-xirka ta’ devozzjoni lejn is-Sagrament, nibtet il-Pia Opera del Perpetuo Suffragio. Is-santwarju, iddedikat taħt l-isem “Corpus Domini”, huwa maqsum f’żewġ knejjes kbar fuq xulxin, b’waħda minnhom taħt l-art. Fl-24 ta’ Marzu 1907 kien inawgurat il-kampnar imponenti ta’ dan is-santwarju, li kien finalment inawgurat u mbierek mill-Kardinal Ferrari fil-31 ta’ Diċembru 1910.
Iżda jekk is-santwarju meraviljuż tal-Corpus Domini u s-Santa Lega Eucaristica huma meqjusa bħala l-aqwa frott li ħalla warajh P. Beccaro, dan kien għadu mhux kollox. Bejn l-1897 u l-1898, kien hemm tensjonijiet jaħarqu ġo Milan, li wasslu sabiex jinfetaħ in-nar fuq il-folol fuq amar tal-Ġeneral Fiorenzo Bava-Beccaris fix-xahar ta’ Mejju 1898, meta l-belt ta’ Milan kienet tinsab fi stat ta’ assedju. Ġara li l-Kardinal Ferrari nzerta qiegħed barra l-belt, minħabba viżta pastorali li kien qiegħed jagħmel ġewwa Asso. Meta raw hekk, l-antiklerikali li ħadu sehem f’dan l-assedju, akkużaw lill-Kardinal b’viltà talli ma kienx preżenti fil-belt tiegħu. Meta ra hekk, P. Beccaro, b’sogru għal ħajtu, mar waħdu lejn Asso u spjega s-sitwazzjoni mwiegħra lill-Kardinal, li dan tal-aħħar immedjatament irritorna lejn il-belt li tagħha kien ragħaj b’Padre Beccaro maġenbu.
Għal dawn l-irvellijiet, bosta kienu dawk li sfaw arrestati u għalhekk Beccaro kien nominat “Cappellano del Cellulare” sabiex jassistihom. B’hekk sab inkarigu ġdid fl-appostolat tiegħu, u meta kien mitlub iħalli din il-kariga fl-1900, xorta waħda baqa’ viċin tal-ħabsin, billi fost l-oħrajn kitbilhom il-ktieb “Raggi fra le tenebre”, li kien jiġbor fih għadd ta’ katekiżmu u talb. Xejn ma kienet ħafifa l-pożizzjoni tiegħu, meta flimkien mal-Patrijiet Tereżjani ddefenda b’qawwa lill-Kardinal Ferrari meta dan kien akkużat b’nuqqas ta’ fedeltà lejn l-Arċidjoċesi tiegħu.
Fl-1904, megħjun minn Dun Guanella, Beccaro waqqaf l-Ospizio Nazionale dei Piccoli Derelitti għat-tfal orfni minn madwar l-Italja kollha, li dik il-ħabta kienu jlaħħqu t-30,000. Lil dawn it-tfal, li għalihom sar it-tieni missier, ħa ħsieb iwaqqfilhom kolonja agrikola fi Cuasso del Monte qrib Varese sabiex permezz tagħha jaqilgħu l-għajxien tagħhom. L-Ospizio Nazionale sar magħruf mal-Italja kollha u tfal minn kull belt u raħal kienu kontinwament jiġu mibgħuta fih, biex ikollhom mhux biss kenn fuq rashom, imma wkoll setgħu jitgħallmu diversi snajja. U aktar ħa spinta ’l quddiem ta’ apprezzament l-istitut meta fih laqa’ għadd ta’ tfal minn Calabria u Sqallija wara li dawn iż-żewġ postijiet kienu t-tnejn devastati minn terremot qawwi.
Bosta kienu dawk li matul is-snin fittxew lil P. Beccaro bħala direttur spiritwali tagħhom, hekk li kien iqatta’ sigħat sħaħ fil-konfessinarju, iqarar bla heda. Kien jivvjaġġa kontinwament, jieħu ħsieb kuntratti, jara mnejn ser jikseb l-karità sabiex ikun jista’ jkopri l-ispejjeż enormi li kien jidħol għalihom biex jgħin lit-tfal tal-istitut tiegħu u jara li ma jkunu neqsin minn xejn, jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-istitut, tas-santwarju, tal-istamperija u l-kunvent, iqarar għal sigħat twal. Minkejja li seħħlu wkoll iġarrab bosta għajdut u xnigħat, kalunnji u suspetti foloz minn persuni li ppruvaw jeqirdu l-ġid enormi li kien iwettaq, qatt ma nstema’ jilmenta jew jgħid li għeja, tant li bosta kienu jgħidu fir-rigward tiegħu li kellu “karattru tal-bronż”. U hekk kien tassew. Uħud ħasbu li dak li kien jagħmel kien iwettqu biex jintgħoġob mas-superjuri tiegħu u man-nies u qalu li kien imprudenti. Iżda dawn ix-xnigħat qatt ma qatgħulu qalbu, anzi saħħewh fil-fehmiet tiegħu. Bosta staqsewh x’kien is-sigriet tiegħu. Kien wieħed sempliċi: minkejja din il-ħidma kollha kien dejjem isib il-ħin għat-talb u qatt ma falla għat-talb tal-Uffiċċju Divin ma’ ħutu l-patrijiet.
Meta rawh batut f’saħħtu, is-superjuri tiegħu bagħtuh Ruma għall-mistrieħ. Hemm miet għal għarrieda fl-età ta’ 66 sena nhar it-28 ta’ Diċembru 1912. Tlitt ijiem qablu miet fl-istess belt, ukoll għal għarrieda, ħuh Innocenzo Giano Battista. P. Beccaro ngħata erba’ funerali kbar, f’Ruma, f’Milan, f’Acqui u fi Grognardo, fejn fl-1 ta’ Jannar 1913, tqiegħed għall-mistrieħ tiegħu fil-qabar tal-familja fir-raħal li nisslu, il-katavru ta’ dan ir-reliġjuż, li tant ħadem u li tant ħabb.