Xi ħadd
qabbel il-ħajja tagħna ma’ palk ta’ teatru. Jum minnhom nitilgħu fuq dan
il-palk, nagħmlu l-parti tagħna u meta nispiccaw, ninżlu minn fuq il-palk. Għal
ftit taż-żmien jibqgħu jiftakruna. Imbagħad anke l-memorja tagħna tgħib.
Hawnhekk
qed inġibu xi dati bijografici ta’ patrijiet li fi żmienhom għamlu ħafna ġid. Illum
qed jgħixu ma’ Alla…
PATRI MANWEL AZZOPARDI TAL-ASSUNTA OCD
(1857-1918)
Indri
twieled fl-Isla fis-6 ta’ Novemru 1857 minn Ġużeppi u Marija imwielda
Abela.
Ta’
tmintax-il sena ħass is-sejħa għall-Karmelu Tereżjan u ħabbat il-bieb
tal-kunvent ta’ Santa Tereża f’Bormla. Fl-24 ta’ Novembru 1875 ta bidu
għas-sena tan-novizzjat fejn ingħata l-isem reliġjuż ta’ Fra Manwel
tal-Assunta.
Għamel il-professjoni semplici fis-27
ta’ Novembru 1876 u dik solenni għamilha f’Ruma fit-28 ta’ Novembru 1879. Ġie
ordnat saċerdot fit-28 ta’ Diċembru 1883 wara li għamel l-istudji kollha tiegħu
għas-saċerdozju fil-Provinċja Rumana.
Hekk
kif kien ordnat saċerdot, il-Ġeneral tal-Ordni bagħatu bħala missjunarju lejn
il-għolja tal-Karmelu fl-1883 fejn hemmhekk qeda l-uffiċċju ta’ viċi kappillan
fil-parroċċa ta’ Haifa. Huwa baqa’ hemm sas-17 ta’ Ottubru tal-1890, meta
imbagħad reġa’ ġie lura Malta u ingħata b’mod speċjali għall-amministrazzjoni
tas-sagrament tal-qrar.
Fl-1903
inħatar pirjol tal-kunvent ta’ Santa Tereża Bormla u kien, tista tgħid, l-iktar
patri li ħadem biex tiżżejjen kif jixraq din il-Knisja Konventwali ta’ Santa
Tereza. Jispikkaw fost l-oħrajn, l-apparat irrakkmat li jintuża nhar il-festa
ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù f’Ottubru (1891), is-sett gandlieri ‘prima u seconda’
maħduma mill-fidda Germaniża għall-artal tal-Madonna tal-Karmnu (1896),
l-erbatax-il stazzjon tal-Via Sagra (1904), u d-damask tal-palma li sa ftit
snin ilu kien jintrama għall-festa ta’ Santa Tereża (u li issa qed jinbidel
għax għamel żmienu).
Ħidma
oħra li għaliha ngħata b’ruħu u ġismu kienet il-bini ta’ kunvent ġdid
għall-Patrijiet Tereżjani fi Gwardamangia. Meta l-bini kien diġà aktar minn
nofsu lest, tant li kienu marru xi patrijiet jgħammru hemm, l-qorti ordnat li
jitwaqqa’ minħabba li l-permess għall-bini kien għadu ma ħariġx bil-miktub.
Għalkemm il-patrijiet kienu applikaw għall-permess, u dan kien ingħatalhom
bil-fomm, l-avukat tal-kuruna miet ħesrem bla ma laħaq ħareġ il-permess
bil-miktub.
L-aħħar
tliet snin ta’ ħajtu marad b’marda tassew ħarxa u miet fil-kunvent ta’ Santa
Tereża fis-7 ta’ Jannar 1918. Jinsab midfun fil-kannierja tal-Kunvent ta’ Santa
Tereża, Bormla.
Meħud minn Facebook Imsiebaħ Sengleani
PATRI KARM SPITERI OCD (1912-1973)
Bartilmew twieled l-Isla minn Bartolomeo u Giovanna mwielda
Scicluna.
Wara xi żmien fit-Tarzna, meta kellu 19-il sena, daħal fl-Ordni
tal-Karmelitani Skalzi fejn ġie mogħti l-isem ta’ Fra Karmenu tal-Immakulata.
Sar
sacerdot fil-25 ta’ Lulju 1937 u, b’ħeġġa kbira għall-appostolat, sar konfessur
u direttur spiritwali mfittex.
Fl-1943 telaq lejn l-Iraq u fid-Dar ta’ Basrah serva bħala
Viċi-Rettur. Kien joffri li jżur u jwettaq ħidma pastorali f’Abadan (Iran) fejn
kien jieħu ħsieb il-membri tal-Anglo-Iranian Oil Company (A.I.O.C.); magħrufa
bħala Abadan Consortium. Ħadem bis-sħiħ fil-Kuwait biex iħejji l-art ħalli
jitwaqqaf il-Vigarjat Appostoliku tal-Kuwait. Kien it-tieni saċerdot Kattoliku
li daħal f’dan l-Emirat u l-ewwel wieħed li ngħata permess jgħix f’dan
it-territorju Iżlamiku!
Monsinjur Teofilo Stella; O.C.D., l-ewwel Vigarju Appostoliku
tal-Kuwait, kiteb hekk fuqu: “Inħares lejh bħala l-fundatur tal-Kristjanità
fil-Kuwait… Minn dawk kollha li kienu jafuh … tgħallimt inħares lejh bħala
veru appostlu. Qaluli bil-ġid kbir li kien jagħmel… kif kien jaf imur tajjeb
ħafna mal-immigranti Ingliżi, Kattoliċi u Protestanti… kif kien maħbub
mill-immigranti, Indjani u mhumiex.”
Fl-1946 waqqaf il-Legjun ta’ Marija fil-Kuwait.
Lura Malta fl-1949 minħabba saħħtu, sar Surmast tal-istudenti
f’B’Kara (1950), Pirjol f’Bormla (1951-52) u Superjur f’Ta’ Xbiex (1956-57 u
1960-63).
Fl-1964 reġa’ lura fl-Iran u l-Kuwait. Telaq lejn Aħważ (Iran)
biex iwaqqaf missjoni ġdida, u meta din għalqet xi sentejn wara, reġa’ mar
il-Kuwait sal-1972 meta rritorna Malta, fil-kunvent ta’ Bormla, minħabba
saħħtu.
Miet fl-Isptar San Luqa fl-1 ta’ Lulju 1973. Ġie midfun
fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata, iżda issa l-fdalijiet tiegħu jinsabu fil-kripta
tal-kunvent ta’ Santa Tereża, Bormla.
Jiġi z-ziju ta’ Patri Victor Mallia, OCD
Meħud minn Facebook Imsiebaħ Sengleani