«Itlob għalina midimbin, issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna, Ammen». Din it-talba li P.
Alessandru kien illissen b’tant devozzjoni għal mijiet ta’ drabi ta’ kulljum matul dawn l-aħħar 85
sena hi l-frażi li tista’ tgħinna nifhmu l-persuna li llum qegħdin insellmu u li se nroddu l-ġisem
tiegħu lura lill-art.
Midinbin iva imma mimlijin tama f’Alla, fil-ħniena tiegħU u f’Marija, li hu ħallielna taħt is-Salib
biex takkumpanjana f’dan il-wied tad-dmugħ. Iva midimba għax aħna lkoll ħatja, ħatja li lil Alla
ma ntuhx qalbna kollha kemm hi, kif jixraq ‘l Alla nnifsu. Imma Alessandru konxju mill-
fraġilita’ umana, qatt ma ċeda r-riedni minn idejh u ħalla lilu nnifsu jitkaxkar mal-kurrent.
Midinbin iva, imma mhux qalbna maqtugħa, għax aħna ġejna mifdija minn Ġesu’ Kristu.
Midimbin iva, imma Ġesu’ mhux biss baqa’ magħna, imma ħallielna s-sagrament tal-qrar, biex
bħal dawk migduma mis-serpent fit-Testment il-Qadima, inħarsu lejn l-Imsallab u nfiequ.
Alessandru qatt ma dawwar il-ħarsa tiegħu mir-Ragħaj it-tajjeb, anzi dejjem talbU l-għajnuna u
d-don tal-maħfra permezz tas-sagrament tal-qrar.
Hu faċli li meta niġu biex inħarsu lura lejn il-ħajja ta’ ħuna P. Alesandru, l-ewwel ma jiġi
f’moħħna hu kemm kien bieżel, kemm ta lilu nnifsu b’mod sħiħ u sal-aħħar. Imma filwaqt li hu
minnu li ma nistawx nimmaġinaw lil P. Alessandru bilqiegħda jistrieħ, Alessandu kien il-
bniedem ta’ Alla, li għax emmen wettaq dak kollu li hu wettaq. Pereżempju, Alessandru mhux
qajjem il-festa għax kien iħobb il-festi jew għax kien dillettant, imma bil-maqlub, l-imħabba
tiegħu lejn Marija waslitu biex kabbar il-festa. Lil Alessandru qatt ma kont tarah mingħajr labtu
tal-Karmnu fuqu jew mingħajr il-kuruna tar-rużarju f’idejh. Ukoll meta kont inżuru fil-kamra,
dejjem bil-kuruna f’idejh.
Meta nħtart Provinċjal xewqa waħda kellu׃ ‘nixtieq li nibqa’ nqaddes fil-knisja sal-aħħar’, u Alla
sema’ t-talba tal-ġust, u sa ftit jiem qabel miet baqa’ jiċċelebra l-quddiesa fis-Santwarju u
jamministra s-sagrament tal-qrar. Għax P. Alessandru kien l-ewwel u qabel kollox reliġjuż u
saċerdot.
Immaġinaw li dan it-tifel ċkejken li mid-dar tiegħu n-naħa ta’ Naxxar Road kien jiġi l-kunvent
minn fuq il-ħajt tas-sejjiegħ m’għola żewġ sulari u jinżel il-kunvent mxabbat ma’ xi siġra għolja.
Twieled nhar il-Festa ta’ Qaddisa Tereżjana, S. Elisabdtta tat-Trinita’. Trabba u kiber il-kunvent
bħala abbati. Ta’ sittax-ilsena beda n-Novizzjat u minn dakinhar ‘il quddiem ma strieħ qatt.
Studja Genova fejn kelhom bħala Pirjol lil dak, li snin wara nħatar Ġeneral tal-Ordni u
eventwalment Kardinal, u li issa hemm il-kawża tal-Beatifikazzjoni tiegħu miftuħa, P. Anastasio
Ballestrero.
P. Alessandru kien bniedem ta’ saħħa kbira. Jistgħu jitkellmu dwaru P. Eliżew u oħrajn li ħadmu
miegħu. Mhux biss flimkien ma’ Eliżew ħadmu l-għoxrin tieqa u l-bibien enormi ta’ dan is-
Santwarju, imma waħdu tella’ fuq idejh kull waħda minn dawn it-twieqi. Wara li taw kuntratt lil
ditta Taljana biex jgħaddu d-dawl tas-Santwarju, u l-patrijiet intebħu bil-vroma li kienu se
jagħmlu dawn it-Taljani, hu flimkien ma’ P. Eliżew u ħuh Charlie Parascanolo għaddew id-dawl
kollu ta’ dan is-Santwarju. Alessandru ma kienx it-tip li se jaqta’ qalbu minn biċċa xogħol, u
lanqas kien xi wieħed li joqgħod hemm jikkmanda lil ħaddiema bla ma jħammeġ idejh, kien
bniedem li flok jitkellem fil-vojt, imidd idejh għax-xogħol u ma jħarisx lura.
Ilu konventwali B’Kara minn ftit wara li ordna, meta l-Pirjol ta’ B’Kara ta’ dak it-triennju, talab
lill-Provinċjal ta’ dak iż-żmien jibgħatlu Patri żgħir ‘għax ma kellux biex jaħdem’ kien qal dak
il-Pirjol. Mur ġibu llum x’għandu x’jghid il-Pirjol ? Għalhekk P. Alessandru sar konventwali
B’Kara qabel ma nxtrat l-għalqa li fuqha nbena dan is-Santwarju, Santwarju li l-istess S. Ġorġ
Preca, waqt Sajda Mużewmina kien qal׃ ‘hawn għad tinbena knisja u jsir ħafna ġid’. P.
Alessandru kien bniedem ta’ intelliġenża kbira u mhu se jaħrablu xejn. Ma kontx se tidħaq bih
kif ġie u laħaq, u għalhekk kien ikun dejjem għassa mal-ħaddiema u mhux biss jara li t-taħlita
tal-konkos issir sew, imma jiċċekkja li x-xogħol kollu jsir skont is-sengħa. Kien ikun irid xogħol
sew, u ma ntuhx tort għal dan.
Fl-1998 intgħażel għall-ewwel darba bħala Pirjol u Rettur ta’ dan is-Santwarju, uffiċċju li dam
jaqdi għal seba’ snin, tant li spiċċa wieħed mill-aktar erbgħa li qatt damu Prijuri f’dan il-kunvent.
Jien ġejt maħtur Pirjol eżattament fit-tmiem ta’ dawk is-seba’ snin ta’ ġid u abbundanza, u
ngħidilkom id-dritt li tidħol Pirjol wara Pirjol kapaċi ma kinetx faċli. Waqt dawk is-seba’ snin li
dam Pirjol, P. Alessandru kien reġa’ ta l-ħajja lill-knisja l-qadima ta’ S. Alfons billi tranġat bħala
Sala għall-Konferenzi, il-kunvent irranġah kif nafuh llum u rnexxielu jsib benefattriċi biex dan
is-Santwarju jkollu sett qniepen ġodda. Imma dan li semmejt hu dak li naraw b’għajnena jew li
nisimgħu b’widnejna. Minn jaf kemm matul dawk is-snin mar għall-mejtin u wara wassalhom
għall-aħħar vjaġġ, u fuqkollox P. Alessandru kien Pirjol, jiġifieri dak li anima l-komunita’ matul
dawk is-seba’ snin.
P. Alessandru kien jieħu ħsieb sal-aħħar l-knisja l-qadima bħala sagristan. Arah għalhekk tiela’
ma’ xi sellum jarma d-damask jew ibiddel ix-xemgħa, inaddaf u jżomm il-knisja fid-dekor li
jixirqilha, b’mod u manjiera li kull min kien jiġi kien jsib indafa u ordni, xejn bl-addoċċ.
Bniedem ordnat li saħansitra ġol-workshop kollox kellu postu u t-tabella relattiva. Ħin għalih ma
kellux u kien biss meta kiber li kellu ċans jibda jżomm l-odni fiċ-ċella tieħu wkoll.
P. Alessandru ħadem ħafna biex jiġbor finanzi biex dan is-Santwarju u l-Festa tkun tista’ ssir.
Apparti l-bażaars u l-ħanut li kellna fiż-żmien u li kien jieħu ħsieb hu, kulħadd jiftakar lil P.
Alessandru jaħrat B’Kara kollha minn tarf għall-ieħor jiġbor għall-festa. In-nies kienu jagħtuh
għax in-nies kienu jħobbu l-kunvent u hawn kienet id-dar tagħhom. Kienu jafu li f’idejn P.
Alessandru il-lira se ssir tnejn u se tintefaq tajjeb. Ħarsu madwarkom u ħarsu ‘l fuq u taraw il-
ħidma ta’ dan il-patri fqajjar u ħabrieki, flimkien mal-għajnuna finanzjarja ta’ ħafna li bla dubju
ta’ xejn illum jinsabu l-Ġenna grazzi għall-ħidma bla waqfien tal-komunita’ tat-Tereżjani.
Imma issa nħarsu madwarna, u x’naraw׃ Santwarju stupend pulit u nadif għall-aħħar, imma
b’komunita’ dejjem tiċkien u tikber fiż-żmien. Komunita’ b’membri ħabrieka bħalma kien P.
Alesandru, imma mingħajr demm ġdid. Għada jekk Alla jrid se jagħmel il-Professjoni Solenni
tiegħu Fra Elija, imma erbgħa għandna kunventi u kulħadd fil-bżonn ta’ demm ġdid. Mulej xi
trid minna nsaqsu ?
Emmnuni jekk tridu, imma ma nistax nifhem kif jista’ xi ħadd li verament daq lil Alla ma
jingħatax b’mod sħiħ lilU. P. Alessandru kellu anki oħtu soru tal-klawsura mal-Monasteru ta’
Sant’Ursula l-Belt. Għaliex fil-familji tagħna m’għadux ikun hemm vokazzjonijiet reliġjużi u
saċerdotali ġodda ? Għaliex bniedem hu kapaċi jaħdem sa tliet jobs, u mbagħad lanqas jgħaddilu
minn moħħu jagħmel xi biċċa xogħol volontarja ? Jaħasra Alla jixraqlu l-kollox tagħna u ta’
qalbna, jixraqlu l-imħabba sħiħa tagħna, il-ħajja malajr tgħaddi u fil-jum tal-ġudizzju x’se
tippreżenta fil-basket tiegħek lil Alla ? Għaliex bniedem bħal P. Alessndru għandu jidher bħala
eroj, meta min verament għandu rasu fuq għonqu jifhem li l-veru għaqli kien bniedem bħal
Alessandru li bena fuq is-sod u mhux fuq ir-ramel. Mhux ta’ b’xejn lil dawk li ma kinux bħal
Alessandru, Ġesu’ jsejħilhom ‘boloh’, meta l-ħajja hi qasira u ttir bħal ħolma.
68 sena reliġjuż u kważi 60 sena saċerdot. Immaġinaw inton dan il-fqajjar patri kellu x-xorti
jqaddes madwar 22,000 – 25,000 quddiesa. Imma jekk ma jkunx hemm fidi, bniedem bħal P.
Alessandru jiġi kkunsidrat bħala iblah li ma ‘ġawdiex il-ħajja’. Strieħ P. Alessandru, tagħtix kas
ta’ min ma fehmekx fil-ħajja. Aħna nimxu mal-Vanġelu, u li jgħodd hu l-ġudizzju ta’ Alla u
mhux tal-bniedem. Marija kienet fidila lejk, bħalma int kont fidil lejha, u filwaqt li ħallietek
tgawdi l-Festa tagħha fuq din l-art, imma xtaqitek magħha f’dan ix-xahar qaddis ta’ Lulju, fejn
il-Festi f’ġieħ il-Madonna tal-Karmnu kienu baqgħu għadhom għaddejjin b’marċi u kunċerti
mat-toroq tal-Ġenna sal-aħħar tax-xahar. U le, P. Alessandru għoqod bilqiegħda hemm u oqgħod
gawdi u strieħ. M’hemmx għalfejn tmur tiġbor biex tħallas dawn il-marċi, Alla għal ommu u
għall-Festi f’ġieħha għandu open cheque u ħafna bandisti qegħdin idoqqulha b’xejn. Hemm hu
issa li taf li ma tistax tiġbor, diġa’ bdejt taħseb biex titgħallem strument mużikali biex toħroġ
ddoqqilha bl-istrument tiegħek. U le, Alessandru oqgħod tpaxxa issa bid-dawl jgħammex ta’ Alla
u li hu rifless f’ommU Marija s-Sultana tal-art u tas-Sema. Kulma nitolbuk hu li ma tinsiniex
mis-Sema, anzi nitolbuk li issa taħrat il-Ġenna kollha u itlob lil Alla Trinita’ u l-Qaddisin li
għandek kunfidenza magħhom, fosthom S. Tereżina biex tqanqal żgħażagħ ġodda li jintelqu
f’dirgħajn Alla u f’dirgħajn dawk ta’ Marija. Wara li bnejt Santwarju issa aħsbilna biex terġa’
timla l-konfessjonali tagħna b’patrijiet ġodda.
Aghtih o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.