Provincjal Patri Juan Debono
“O Tlieta tiegħi, il-Kollox tiegħi, l-Hena tiegħi, Solitudni infinita, Immensita’ li fiha jien nintilef: jien bħal priża nintelaq fikom” (Talba Trinitarja S. Eliżabetta). Din kienet il-konklużjoni li wasslet għliha l-Qaddisa Franċiza Elisabetta tat-Trinita’. Effettivament QATT u fl-EBDA ĊIRĊOSTANZA, ma wieħed jista’ jimxi ‘l quddiem fil-ħajja tal-Grazzja, jekk ma jkunx hemm dan l-abbandun sħiħ, u bla kundizjoni f’idejn Alla, li hu Abbiss ta’ Mħabba.
“Lil Alla li juri lilu nnifsu, hi dovuta l-ubbidjenza tal-fidi li permezz tagħha l-bniedem jintelaq f’idejn Alla!” (DV ). Dawn huma l-kliem li nsibu fid-dokument tal-Konċilju Vatikan II dwar il-Kelma ta’ Alla, Dei Verbum. Fl-Iskrittura, aħna naraw storja ta’ ġesti u ta’ kliem kollha mħabba, ta’ Alla lejn il-bniedem, u t-tweġiba tal-bniedem lill-istess Alla. Din hija l-fidi, it-tweġiba tal-bniedem lil Alla li jsejjaħlu.
Abraham hu l-bniedem li biex jgħid ‘Iva’ lil Alla spiċċa ħalla pajjiżu u spiċċa ma ntrabat ma’ xejn li toffri din id-dinja, u Alla li jħallas bil-mitt darba, għamlu missier ta’ poplu bla għadd. Warajh segwew sensiela ta’ personalitajiet li wieġbu lil Alla u għas-sejħat personali li Hu għamlilhom. Fit-Testment il-Ġdid imbagħad, insibu fost l-oħrajn lil Marija, li bl-Iva tagħha, l-Iben ta’ Alla sar bniedem; Verbum Dei caro factum est.
F’din il-lista twila ta’ personalitajiet li wieġbu bla kundizzjonijiet lil Alla li kien qiegħed isejħilhom, insibu l-Qaddisin Tereżjani, fosthom lil Ġwanni tas-Salib, lil Tereża ta’ Ġesù, lil Tereża tal-Bambin Ġesù, lil Tereża Benedetta tas-Salib (Edith Stein), lil Eliżabetta tat-Trinità, lil Anna ta’ San Bartilmew, lil Marija tal-Inkarnazjoni u bosta bosta oħrajn.
San Ġwann tas-Salib jitkellem u jagħti importanza kbira lill-fidi fil-kitbiet tiegħu. Tereża ta’ Ġesù wettqet l-opra li wettqet għax kienet mara ta’ fidi kbira. Tereża tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ Imqaddes hi Duttur tal-Knisja, l-aktar għax b’ħajjitha u bil-kitbiet tagħha tgħallimna l-ħtieġa ta’ dan l-atteġġjament ta’ telqa u abbandun f’idejn Alla.
Il-Beata Marija tal-Inkarnazjoni (18 ta’ April)
Barbara Avrillot twieldet ġewwa Pariġi fl-1 ta’ Frar tal-1566. Iżżewġet ta’ sittax il-sena u kellha sebgħat itfal, li minnhom għexulha tlieta. Kellha bħala direttur spiritwali lill-istess San Franġisk de Sales. Ukoll jekk mara tal-familja, hi kienet ta’ għajnuna kbira lil bosta persuni fil-bżonn waqt l-assedju ta’ Pariġi tal-1590, u ħadmet ħafna biex ir-Riforma Protestanta ma tinxteridx ġewwa Franza. Hi kellha bosta grazzji mistiċi, imma wkoll provi kbar, bħal meta żewġha ġie eżiljat minn Franza għal xi żmien mir-Re Enriku IV minħabba li l-Lega li tagħha kien membru, ġiet mirbuħa. Wara li fl-1601 ġew f’idejha l-kitbiet ta’ Santa Tereża, hi xtaqet ħafna li dawn l-ulied tar-Riformatriċi Spanjola jaslu f’pajjiżha. Wara li ġabet il-permessi kollha meħtieġa mir-Re, li tant kellu ammirazzjoni lejha, u mill-Papa Klement VIII, nhar is-17 ta’ Ottubru tal-1604, infetaħ l-ewwel monasteru ġewwa Franza (Pariġi) bil-miġja ta’ sitt sorijiet Spanjoli, fosthom il-Beata Anna ta’ San Bartilmew, sieħba u infermiera ta’ Santa Tereża nnifisha u l-qaddejja ta’ Alla Anna ta’ Ġesù. Fi ftit snin u fi żmien l-istess Beata Marija tal-Inkarnazjoni nfetħu l-monasteri ta’ Pontoise, Dijon u Amiens. It-tlett uliedha bniet li għexulha, daħlu sorijiet, kif għamlet hi wkoll wara l-mewt ta’ żewġha fl-1614 ġewwa l-monasteru ta’ Amiens bħala soru-konversa bl-isem ta’ Marija tal-Inkarnazzjoni. Xogħolha l-aktar li kien jikkonsisti kien bħala koka u infermiera. Fl-1616 ġiet trasferita fil-monasteru ta’ Pontoise, fejn issa jinsabu r-relikwi tagħha. Hija mietet fl-1618. Marija tal-Inkarnazjni ġiet ibbeatifikata fl-1791.
Fra Manwel, din il-mara li ħabbet matul ħajjitha kollha, u f’ċirkostanzi diversi li għexet (jiġifieri bħala tifla u tfajla, bħala mara miżżewġa, bħala omm u bħala armla) lil Alla, se tkun is-sieħba il-ġdida tiegħek għal-ħajja reliġjuża tiegħek. Mill-illum ‘il quddiem infatti se tibda’ tissejjaħ Fra Manwel tal-Beata Marija tal-Inkarnazjoni. Kif qiegħed tara l-Immakulata hemm qiegħdha xorta waħda. Isem din il-Beata hu infatti Marija, u l-kunjom tagħha hu tal-Inkarnazjoni, li qatt ma kienet isseħħ li kieku Alla ma ppreservax lil din il-mara minn kull tebgħa tad-dnub, jiġifieri kieku ma kienetx Immakulata. F’dan l-isem ġdid għalhekk għandek sija lil Marija u sija lill-Immmakulata.
X’xorti kbira għandu l-bniedem meta l-Mulej jixħet għajnejh fuq iċ-ċokon tagħna u jużana bħala strumenti fqajra għall-opra tiegħU. Alla jerfa’ lill-umli, imma jistkerraħ lil kburin. L-istess Tereża ta’ Ġesu’ li tant tenfasiżza dwar il-ħtieġa tal-virtu’ tal-umilta’ fil-kitbiet tagħha, mhux biss laqgħet fost l-ewwel sorijiet tagħha lil Anna Garcia (il-Beata Anna), imma meta rat kemm kienet persuna umli, għażlitha bħala s-sieħba tagħha fil-Fondazjonijiet li wettqet ġewwa Spanja, għażlitha bħala l-infermiera tagħha, u saħansitra bħala ‘s-segretarja’ tagħha, ukoll jekk Anna kienet analfabeta. Dak hu dak li jagħmel Alla mal-bniedem umli, id-deżert ibiddlu f’oasi, id-dlam f’dawl, il-bniedem midneb f’Mistiku. BASTA L-BNIEDEM JKUN UMLI.
Kienet Marija tal-Inkarnazjoni li stiednet lill-istess Anna, biex tiġi tiftaħ monasteri ġodda ġewwa Franza, u tnejn flimkien imbagħad fetħu l-ewwel erba’ Monasteri ġewwa l-istess Franza, fosthom dak ta’ Dijon, li pproduċa Qaddisin bħal Elisabetta tat-Trinita’, Madre Ġermana ta’ Ġesu’ u min jaf kemm oħrajn li ma nafux bihom. Il-Karmelu Franċiż ipproduċa wkoll Qaddisin bħala Tereża tal-Bambin Ġesu’.
Ara daqxejn x’jagħmel Alla bi bniedma analfabeta bħal Anna, u x’jagħmel Alla b’Marija tal-Inkarnazjoni, mara miżżewġa, imma li kienu umli. Iva Alla jbiddel id-deżert f’oasi, kif għamel ma’ Abraham, li ukoll jekk imdaħhal fiż-żmien, isir il-missier ta’ ġens kbir.
Dak li Alla jista’ jkompli jagħmel miegħek u permez tiegħek, wara ħajja attiva fl-Ordni Sekulari. Għalhekk bħal ma qalli s-Sur Mallia, bid-dħul tiegħek ġewwa l-kunvent, l-Ordni Sekulari mhux sejjer jitilfek, imma se jirbħek aktar. U l-istess ngħid lil-għeżież uliedek Nathalie u Claire, u lill għeżież neputijiet Nathan, Nicole u Luigi. Bid-daħla ġewwa l-kunvent ta’ missierkom u tan-nannu, intom m’intomx se titilfu lil missierkom jew lin-nannu, li anzi se jkun aktar tagħkom, għax żgur li intom se ssiru aktar ir-raġuni għalfejn qiegħed jgħix u għal min jitlob. Ommkom u n-nanna Katie se tkompli takkumpanjakom mis-Sema, filwaqt li missierkom u n-nannu tagħkom minn ġewwa kunvent Tereżjan se jibqa’ magħkom. Il-kunvent għadu mhux is-Sema, imma jixbaħ ħafna lis-Sema, għax Hu, hu magħna l-ħin kollu, tikteb Eliżbetta. “Il-ħajja tal-Karmelitana” tikteb f’pass ieħor, “hi għaqda ma’ Alla minn filgħodu sa filgħaxija u minn filgħaxija sa filgħodu. Jekk Hu ma jimliex iċ-ċellel tagħna u l-kjostri tagħna, x’vojt ikun hawn, imma permezz ta’ kull ħaġa aħna narawh għax inġorruH ġewwa fina, il-ħajja tagħna hi Sema antiċipata” (Ittra 123).
Għalhekk għalija li jgħodd f’kandidat mhux l’eta’, imma x-xewqa profonda li dak il-kandidat għandu, xewqa li tkun tieklok minn ġewwa, li tkun kemm jista jkun konformi max-xbieha ta’ Kristu. Tereża tal-Bambin Ġesu għexet biss 9 snin fil-kunvent, u b’danakollu ma tidħolx fi Knisja u ma tarax xbieha tagħha, Eliżabetta għexet biss 5 snin, Marija ta’ Ġesu Msallab ħdax il-sena, Tereża de los Andes ħdax il-xahar biss, Tereża Margerita Redi sitt snin, l-istess Marija tal-Inkarnazjoni erbgħa snin biss, l-armel portugiż San Nonju tmien snin, Santa Tereża Benedetta tas-salib disa’ snin, il-Beata Marija Felicia magħrufa aħjar bħala Chiquitunga, u li se tkun ibbejatifikata sittax-il-ġurnata oħra, erbgħa snin u nista’ nibqa’ sejjer għax il-Karmelu Tereżjan hu mixtla għammiela tal-Qaddisin.
Dan ma jfissirx li aħna ma nipprevedulekx, u ma nixtiequlekx ħajja twila għażiż Fra Manwel, anzi aħna nawgurawlek ħafna saħħa u snin biex tkompli ssebbaħ u tfewwaħ il-Karmelu tal-art (għalissa) u ‘l quddiem dak tas-Sema. “Alla għandu pjanijiet li aħna mhux dejjem nifhmu, imma li msejħin biex naduraw”, tikteb Eliżabetta. Mur ifhmu lil Alla !!
M’għandix dubju li P. Piju, li 31 sena ilu kien kuraġġuż biżżejjed biex ta’ dan iċ-ċans lili wkoll li qiegħedd hawn, u li minn hawn nirringrazzjah għal dan is-servizz li qiegħed joffri bil-qalb lil Provinċja, jista’ żgur jiggwidak tajjeb biex dan il-proċess ta’ konformazjoni ma’ Kristu, jissaħħaħ u jikber fik. Katie mis-Sema żgur li se tgħinek u tpattilek bil-mitt darba dak kollu li int għamilt magħha fis-saħħa u fil-mard. Uliedek żgur li jifhmu l-pass tiegħek.
Għalhekk ‘Grazzi Sinjur Alla u aħfirli Sinjur Alla’.
San Ġużepp ta’ Qalb Safja kompli bierek il-Provinċja tagħna b’vokazjonijiet ġodda.