“She Is No Fool Who Gives What she Cannot Keep, To Gain That Which she Cannot Lose” Mhiex belha dik li tati dak li ma tistax iżżomm, biex tikseb dak li ma tistax titlef” (Edith Stein). Meta qrajt dan il-kliem mnaqqax fuq il-ħajt tal-entrata tal-monasteru tas-Sorijiet Tereżjani ġewwa Morristown New Jersey mill-ewwel indunajt li dan hu s-sigriet għaref tal-ħajja klawstrali. Nisa li huma tant kuntenti b’Alla li jgħixu biss għaliĦ. U dan jgħamluh b’risq tagħna.
Hawn Malta għadna x-xorti li għadna żewġ monasterji tas-Sorijiet Tereżjani. Wieħed ilu kważi tlett mitt sena u jinsab ġewwa Santa Margerita, Bormla u ieħor għadu kemm twieled ġewwa Tal-Virtu r-Rabat.
Dawn is-Sorijiet ġejjin mill-Amerika. Morristown, New Jersey. Alla qiegħed jagħni dan il-monasteru b’ħafna vokazzjonijiet. Komunita żgħażugħa, friska, li tgħix il-ħajja Tereżjana b’ħafna serjeta u sbuħija. Jitolbu ħafna, ikantaw l-ufficju divin, iqattgħu sigħat jimmeditaw flimkien… Hemm spirtu ta’ ferħ li jgħaġġeb lil kull min ikollu xi kuntatt magħhom. Huma radikali fil-għażliet tagħhom.
Billi Santa Tereża xtaqet li l-monasteri Tereżjani jkunu ftit fin-numru ħalli hekk aktar jiffacilitaw il-ħajja komunitarja, meta s-Sorijiet ndunaw li l-komunita qegħda tikber ġmielha, bdew iżommu għajnejnhom miftuħa ħalli jaraw x’irid Alla minnhom. Kien dak iż-żmien li Patri Piju Sammut beda’ jaqdi dawn is-Sorijiet bħala Direttur Spiritwali tagħhom.
Wara ħafna talb u dixxerniment, is-Sorijiet għarfu li Alla kien qiegħed isejħilhom ħalli jiftħu fundazzjoni ġdida f’Malta. Kulħadd jaqbel li Malta qed tinbidel ħafna u għandha bżonn aktar minn qatt qabel ta’ xhieda radikali li Alla waħdu hu biżżejjed. Grupp ta’ ħames Sorijiet ġew mill-Amerika biex jesploraw l-art. Ġew milqugħa b’ħafna imħabba mis-Sorijiet ġewwa Santa Margerita, Bormla.
Dan kien erba’ snin ilu. Wara Bormla, il-Provincjal Patri Manwel Schembri offrilhom d-dar żgħira tal-villeġjatura li l-Patrijijiet għandhom ġewwa M’scala. Din hi dar tassew żgħira imma s-Sorijiet afdaw fil-ħniena kbira ta’ Alla u marru jgħixu l-ħajja tagħhom ta’ talb u ferħ ħdejn il-baħar ta’ Wied il-Għajn.
Meta l’Arcisqof Charles Scicluna ra ic-cokon ta’ din id-dar, huwa offrilhom dar akbar ġewwa Tal-Virtu fejn għadhom jgħixu l-ħajja tagħhom. Ħajja semplici imma kollha kemm hi mitfugħa ħalli jtaffu l-uġiegħ tan-nies ta’ madwarhom. L-Arcisqof dejjem jtennilhom kemm hi importanti l-missjoni moħbija tagħhom – jitolbu għall-Malta specjalment għall-kleru.
U hekk l-avventura Tereżjana tkompli. Il-ġejjieni qiegħed f’idejn tajba – f’idejh! Hu tassew sabiħ tara dawn in-nisa żgħażagħ mogħtija kollha kemm huma għal Alla, dedikati ħalli jgħinu lilna Maltin u Għawdxin bit-talb kostanti taghhom. Il-Patrijiet tagħna qed jagħtu s-servizz tagħhom ħalli din iż-żerriegħa tikber….
Il-Madre hija Madre Therese.