MIZZEWWEG U PATRI – PATRI KARM SPITERI



Mhux tas-soltu li ssib raġel miżżewweġ li hu Patri wkoll. Wara 23 sena l-Ingilterra,  miżżewweġ ma’ Jean, il-ġuvni Karm Spiteri ħabbat il-bieb tal-kunvent tal-Patrijiet Tereżjani f’Ta’ Xbiex. Staqsejnieh xi domandi fuq ħajtu u fuq l-ideali tiegħu.

 

1. Il-vokazzjoni tiegħek hi aktarx unika. Għaliex inti kont miżżewweġ u wara l-mewt ta’ martek dħalt patri Tereżjan. Tista’ tgħidilna xi ħaġa fuqek?

 

Għandi 55 sena. Twelidt il-Furjana. Meta spiċċajt l-iskola, bdejt naħdem f’lukanda.  F’Jannar tal-1984 iżżewwiġt lil Jean, tfajla Ingliża li kont iltqajt magħha hawn Malta. Morna noqogħdu l-Ingilterra; kont naħdem bħala pustier. Wara 23 sena miżżewweġ, mietet Jean. Xokk kbir. Iddeċidejt li nibda mill-ġdid u għalhekk irritornajt Malta fejn mort naħdem fl-Isptar Karen Grech bħala ward clerk.

Meta tkellimt ma’ missieri fuq il-ħajra lejn il-ħajja reliġjuża li bdejt inħoss,  semmieli lil Patri Victor Mallia – dak iż-żmien Provincjal tat-Tereżjani li kien imur iqarar u jqarben lil ommi. P.Victor stedinni ngħaddi ftit granet magħhom. Bdejt nattendi l-laqgħat tas-sekulari Tereżjani f’Ta’ Xbiex.

Dana wassalni biex nitlob li ningħaqad mal-Patrijiet u għamilt il-postulantat fil-kunvent ta’ Bormla u d-dar ta’ Ta’ Xbiex bejn 2008-2009…..imbagħad il-Provinċjal Patri Manwel bagħatni Varazze – qrib Ġenova -fit-Tramuntana tal-Italja għas-sena tan-novizzjat.

L-istudji tal-Filosofija u tat-Teoloġija għamilthom il-Beda College  ġewwa Ruma.  Ġejt ordnat djaknu mill-Isqof Anders Arboreus  li riċentement ġie maħtur Kardinal mill-Papa Franġisku (put in link http://www.ocdmonline.org/sweden-gets-its-first-ever-cardinal-and-he-is-carmelite/) u ġejt ordnat saċerdot nhar id-19 ta’Ottubru  2014 mill-Arcisqof Emeritus Mons. Pawlu Cremona.


 

2. Mill-ħajja miżżewġa għal Patri. X’inhi l-esperjenza tiegħek?

 

Mhux dejjem faċli li  tagħti espressjoni għal dak  li tħoss… Bħalma sibt lil min feraħ għall-fatt li ridt insir reliġjuż, sibt ukoll ħafna, li sal-ġurnata tal-lum għadhom ma jistgħux jifmhu  kif – wara l-mewt bikrija ta’ marti……jien  wasalt biex nieħu  din id-deċiżjoni li nsir Patri!

Dak li nista’ ngħid huwa illi – matul il-ħajja miżżewġa tiegħi ma’ Jean, jien tgħallimt x’jiġifieri tħobb, x’jiġifieri tagħti lilek innifsek lil xi ħaddieħor. F’kelma waħda, x’jiġifieri tkun dispost li taqsam ħajtek ma’ xi ħadd li inti taf żgur illi jħobbok. U dan huwa dak li jiena qiegħed issa nesperjenza fil-ħajja tiegħi bħala patri Tereżjan… għaliex wara l-vojt li ġarrabt bil-mewt ta’ Jean, issa  qiegħed inservi ta’ għodda f’idejn Alla l-imbierek biex  inkun nista’ nagħti xhieda ta’  dik l-imħabba li Hu għandu għalina lkoll.

 

3. Bħalissa tinsab promotur tal-vokażżjonijiet Terejani. Huwa fatt li  l-ħajja reliġjuża f’Malta (u anke barra) għaddejja minn kriżi serja – ftit huma ż-żgħażagħ li jħossuhom imħajra biex jagħżlu din il-ħajja. Liema taħseb hi r-raguni għal din il-problema? U x’jista’ jsir ħalli l-ħajja reliġjuża terġa tiġbed żgħażagħ lejha?

 

Hemm ħafna fatturi  l-għaliex il-vokazzjonijiet għal ħajja reliġjuża naqsu … Insemmi  l-fatt li  l-familja tradizzjonali mibnija fuq valuri Nsara, qegħda kull ma tmur tiddajjef…..bir-riżultat li ħafna u ħafna żagħżagħ m’humiex kapaci jaslu għal deciżjonijiet  u għas-sagrificcji, specjalment  fejn tidħol il-ħajja reliġjuża.

Mingħajr dubju hemm  wkoll il-fatt li bosta drabi aħna r-reliġjużi  -ma konniex ta eżempju tajjeb għal minn forsi kellu xi ħajra għal din it-tip ta’ ħajja – billi  forsi ttraskurajna l-obbligazzjonijiet tagħna lejn il-komunitajiet li  nagħmlu parti minnhom. L-insularita’ bejn kunvent u ieħor ma tgħinx lanqas.

 

4. X’jista jsir?

 

Jien cert li l-aqwa mod kif nistgħu niġbdu ż-żagħżagħ huwa billi NGĦIXU l-kariżma tagħna.  Intant qed norganizza xi laqgħat ħalli ntiehem liż-żgħażagħ x’inhi l-ħajja reliġjuża fil-konkret. L-aħħar weekend ta kull xahar nilqgħu żagħżagħ ġuvintur sabiex  jagħmlu esperjenża magħna l-Patrijiet tal-ħajja Tereżjana. Ta kull xahar ukoll isiru laqgħat u ħarġiet li għalihom kulħadd huwa mistieden.

Qiegħed johroġ ta kull xahar il-fuljett “Fjamma Tereżjana”.  Għandna wkoll paġna fuq il-“Facebook” fejn  regolarment inpoġġi  frażi tal-qaddisin tagħna flimkien mar-riitratt  tagħhom. Facebook page: Vokazzjonijiet Tereżjani. Fil-fuljett li joħorġu l-Patrijiet tagħna gewwa B’Kara u li jismu s-Santwarju – jiena nikkontribwixxi artikli li għandhom bħala tema il-Vokazzjonijiet.

 

5 – Tinsab ottimist fuq il-futur tal-ħajja reliġjuża f’Malta u Għawdex?

 

Naf li dan il-qasam tal-vokazzjonijiet  jitlob kemm persistenza kif ukoll pacenzja.  Diżappunti ma jonqsux -bħal meta tipprepara l-kmamar….u ma jiġik ħadd…..jew tlesti għal laqgħa u jiġik biss żagħżugħ wieħed -fejn kont nobsor li ser jigu aktar…. Imma xorta waħda nibqa ottimist li l-ħajja reliġjuża f’Malta sejra tkompli.

Biss, nerġa ntenni li jeħtieġ li aħna ngħixu l-kariżma tagħna……imbagħad inħallu f’ idejn Alla l-Imbierek. L-importanti pero’ li nagħtu xhieda ta dak li aħna permezz tal-ħajja tagħna. Il-komunita -il-ġid komuni -l-imħabba lejn l-aħwa…..bis-sagrificcji li din titlob minna…..dawn qatt ma jgħaddi żmienhom……..għad għandna mela x’noffru lil dawk  li jixtiequ jgħixu ħajja aktar qrib ta’ Alla.