The Infant Jesus of Prague or Child Jesus of Prague is a 16th-century wax-coated wooden statue of the child Jesus holding a cross bearing orb, located in the Discalced Carmelite Church in Our Lady Victorious in Mala Strana, Prague, Czech Republic. Pious legends claim that the statue once belonged to Saint Teresa of Avila.
minn Guido Lanfranco
L-istorja tal-Bambin ta’ Praga
Fis-seklu XVI ġiet distrutta l-Belt ta’ Praga mill-Vandali. L-Imperatur Ferdinandu II talab lill-Papa għall-għajnuna u dan bagħatlu lil Patri Dumink Tereżjan. Dan il-patri bassar ir-rebħa tal-Imperatur fuq il-Vandali. Bħala rikonoxximent l-Imperatur offra bċejjeċ ta’ art lit-Tereżjani biex jibnu kunventi u knejjes fl- Awstrija u fi Praga (issa fir-Repubblika Ċeka) Għal dawn il-kunventi marru Tereżjani Spanjoli, u kienet il-prinċipessa Spanjola Polisena li tathom statwetta tal-Bambin Ġesù mlibbes ilbies rikk, bil-globu tad-dinja f’idu x-xellugija u jbierek bil-leminija. Qaltilhom li jekk jagħtuh unur u qima qatt ma jiġu fil- bżonn. Il-Vandali reġgħu ħarbtu l-knisja u l-kunvent tat-Tereżjani ta’ Praga u l-Bambin spiċċa qalb it-tifrik. Meta l-patrijiet marru lura fil-kunvent reġgħu sabu l-istawetta tal- Bambin. Patri Ċirillu, devot, talab lill-Bambin jilluminah u (il-leġġenda tgħid) qal li sema’ lil Ġesù jgħidlu li jekk isewwulu jdejh jagħtihom is-sliem, imma żied jgħid: “Aktar ma tqimuni aktar nagħtikom grazzji.” Wara li ġiet restawrata l-istatwa kibru d-devozzjonijiet u l-qima u bdew jiġu rappurtati ħafna grazzji. Leġġenda oħra tgħid li l-istatwetta tal-Bambin darba kien proprjetà ta’ Santa Tereża ta’ Avila u għaddietha lill-patrijiet.
Din l-istatwetta kienet waslet fi Praga minn Spanja fl-1628 u inżammet fil-knisja tal-Madonna tal-Vitorja tat-Tereżjani imma xejn m’hu magħruf sew dwar l-oriġini tagħha. Magħmula tal-injam miksi bix- xemgħa u għolja xi pied u nofs (xi 45ċm.). Kienet ġiet inkurunata fl-1655. Isiru ħafna daqsijiet statwetti tal-Bambin ta’ Praga bħala devozzjoni u jinxterdu mad-dinja. F’ċerti p ajjiżi kien hemm xi familji kellhom id- drawwa li jpoġġu l-istatwetta tagħhom fuq l-għatba tal-bieb ta’ darhom matul il-lejl bit-tama li t-temp jisbaħ bnazzi. Fl-istess knisja tal-Vitorja ta’ Praga, fl-1628 kienet twaqqfet fraternità jew unjoni tal-Bambin ta’ Praga biex tkabbar id-devozzjoni u ġiet eretta kanonikament bħala Sodalità fl-1913.
Il-Knisja ta’ Praga oriġinarjament kienet dedikata lit-Trinità Mqaddsa imma wara l-battalja ‘Tal-Muntanja l-Bajda’ fl-1620 għaddiet f’idejn it-Tereżjani li ddedikawha lill- Madonna tal-Vitorja u Sant’Antnin ta’ Padova. Il-monasterju ngħalaq mill-Imperatur fl-1784 sakem fl-1993 reġgħu ħaduh it-Tereżjani. Fl-1971, it-Tereżjani waqqfu Missjoni fir- Repubblika tal-Afrika Ċentrali, u semmewha Missjoni tal-Bambin ta’ Praga.
Il-Karmelitani Tereżjani daħħlu d-devozzjoni lejn il-Bambin ta’ Praga f’Malta u għandhom kemm statwetti kif ukoll għaqdiet.
F’Bormla
It-Tereżjani ta’ Bormla għandhom statwa tal-Bambin ta’ Praga imma mhux magħruf min għamilha. Bħalma jsir fi Praga il-Bambin għandu diversi lbies b’ilwien li jistgħu jinbidlu skont il-liturġija u fosthom hemm li saru b’ringrazzjament għal xi grazzja maqlugħa. Għall-ħabta ta’ nofs is- seklu dsatax twaqqfet fraternità jew unjoni tal-Bambin ta’ Praga li kienu daħlu fiha ħafna tfal. Fl-ewwel snin tas-seklu għoxrin sar pedestall tal-fidda fuq disinn ta’ Abram Gatt. Saret wkoll niċċa tal-irħam fuq l-artal ta’ San Ġużepp minn Ronnie Pisani.
Mill-1913 sal-1917, l-istess Tereżjani ta’ Bormla kienu bdew jippubblikaw fuljett, (bl- ortografija libera ta’ dak iż-żmien), imsemmi “Bambin ta’ Praga, maħbub tat-tfal; periodiku għaż-żagħżaħ taħt id-direzjoni ta Patri Piju”
F’Birkirkara
Hawn kienet twaqqfet sodalità jew unjoni meta l-knisja tat-Tereżjani kienet għadha dik ta’ San Alfons. Fit-tieni Ħadd ta’ Jannar, fis-santwarju tal-Madonna tal-Karmnu, jiċċelebraw il-festa tal-Bambin ta’ Praga wara nofsinhar. Normalment jibdew bir-Rużarju, jkomplu bil-Kurunella tal-Bambin ta’ Praga u issir ċelebrazzjoni Ewkaristika u quddiesa Solenni bil-kant u l-omelija. Fuq wara ta’ santi li jinġiebu minn Praga tidher talba miktuba minn patri F. Ċirillu Tereżjan. Ismu sħiħ huwa Patri Ċirillu t’Omm Alla. Dan twieled fl-1590 u miet fl-1675. Kien l-ewwel promutur tad-devozzjoni lejn il-Bambin ta’ Praga. Hawn Malta jaslulna diversi santi bix-xbiha ta’ dan il-Bambin, mhux biss minn Praga, imma wkoll minn artijiet oħra fejn xterdet din id-devozzjoni. Santa minn Arenzano (Ġenova) fuq wara ġġib talba għall-istudenti biex jgħaddu mill-eżamijiet u suġġerimenti għal tridu. Santa oħra mill- Ingilterra, nħarġet mill-għaqda jew fraternità tal-Bambin ta’ Praga ta’ Faversham, Kent, u ġġib talba fuq wara.
Fil-Belt Valletta fil-knisja tal-Vitorja tal-Belt hemm statwetta tal-Bambin replika tal-oriġinal ta’ Praga li saret b’inizjattiva tal-konslu tar-Repubblika Ċeka u nagħtat lill-Assoċjazzjoni tal-Kavallieri ta’ Malta fl- 2006 u tqegħdet fil-knisja tal-Vitorja għad- devozzjoni tal-pubbliku.
Hawn Malta wkoll kemm-il darba saru wegħdiet lil dan il-Bambin u meta tinqala’ xi grazzja kienu jqassmu folja bħala ringrazzjament, mitwija fi tnejn biex tagħti erba’ faċċati ċkejknin, u turi x-xbiha tal- Bambin ta’ Praga fuq il-faċċata taħt l-isem “Il-Bambin Mirakuluż ta’ Praga”. Jidhru mdaħħlin ukoll il-kliem li, skont il-leġġenda, l-Bambin kien qal lil Patri Ċirillu meta dan ġabru mkisser mit-tifrik tal-Vandali: “Iżjed ma inthom tagħtuni qima iżjed jiena nagħtikom grazzji” Fuq ġewwa hemm talb li jinvolvu tfal iltiema, kurunella u konsagrazzjoni tat- tfal lil Ġesù Bambin. Dawn il-fuljetti kien jistampahom Cordina’s Emporium 106-107 Triq Britannika tal-Belt Valletta, ġa fl-1910, b’diversi edizzjonijiet oħra aktar wara.
Meħud minn “Il-Presepju”, Dicembru 2013 – Ħarga 78