Eliżabetta musiċista (24 ta’ Lulju 1893)
Article by: Father Juan Debono OCD, presently provincial of the Discalced Carmelites in Malta
“Raġel ta’ nisel ta’ ġieh mar f’art ‘il bogħod biex jieħu s-setgħa ta’ sultan u jerġa’ lura. Sejjaħ għaxar qaddejja minn tiegħu, tahom għaxar miniet u qalilhom: ‘Ħadmuhom sakemm niġi’…meta ħa s-setgħa ta’ sultan u reġa lura, ordna li jsejħu dawk il-qaddejja, li kien tahom il-flus, biex ikun jaf kif ħaddimhom kull wieħed. Ġie l-ewwel wieħed u qal: ‘Ja Sidi, il-mina tiegħek għamlet għaxar miniet’. Qallu m’hawnx għalik, ja qaddej tajjeb, għax kont fidil fil-ftit; Ħu ħakma fuq għaxar ibliet’. Imbagħad ġie t-tieni u qal: ‘Il-mina tiegħek, ja Sidi, għamlet ħames miniet.’ Lil dan qallu: ‘U int aħkem fuq ħamest ibliet. ġie ieħor u qal: ‘Ja Sidi, hawn hi l-mina tiegħek, li kelli merfugħha f’maktur. Bżajt minnek, għax int bniedem aħrax; tieħu dak li ma qegħidtx u taħsad dak li ma żrajtx’. (Lk 19, 12-21).
Meta nitnisslu, Alla jagħti lil kull wieħed minna talent, mina li aħna imbagħad jeħtieġ inħadmu. Uħud imorru jaħbuha, oħrajn jimmoltiplikawha b’ħamsa, uħud, imma dawn huma ħafna inqas, jimmoltiplikawha b’għaxra. Permezz tal-mużika, Eliżabetta immoltiplikat id-doni li Alla fdalha f’idejha b’għaxra. Meta hi offriet dawn id-doni mmoltiplikati lil Alla, dawn saru għaxra għax saret ta’ Alla kollha kemm hi, u ħalliet lilU jdoqq u hi saret l-istrument.
Imma qabel xejn minn kienet Eliżabetta Catez? Eliżabetta twieldet fit-18 ta’ Lulju 1880. Meta ommha intebħet li bintha kellha talent għal dak li hu l-aktar profond, ukoll jekk il-finanzi tal-familja -minħabba l-mewt bikrija tal-missier- kienu limitati, kitbitha fil-Konservatorju ta’ Dijon, li f’dak iż-żmien kien fl-aqwa tiegħu. Dan kien it-tielet Konservatorju miftuħ ġewwa Franza, u kien fl-aqwa tiegħu fi żmien il-Qaddisa. Kien joffri lill-istudenti tagħlim sħiħ u ta’ kwalita’. Kull klassi kienet tkun magħmula minn mhux aktar minn 10 sa 11 il-student, imma ħafna mil-lezjonijiet kienu jsiru b’mod privat, darbtejn fil-ġimgħa. L-istudenta imbagħad kienet tqatta’ ma’ l-erbgħa sas-sitt siegħat kulljum tipprattika l-mużika.
L-għalliem tagħha Mr Dietrich
L-istudenti ma kienux jikkompetu bejniethom, bħalma jiġri fis-sistema edukattiva tagħna, imma kull student kien jiġi mqabbel ma mudell predefinit. B’hekk l-istudenti kienu aktar attenti li jilħqu dan l-idejal, milli li jkunu aħjar minn sħabhom. B’hekk l-għalliem seta’ jagħti l-ewwel premju lil diversi studenti fl-istess sena. Ir-rebbieħa imbagħad kienu jagħtu diversi kunċerti, għax l-iskop tat-tagħlim kien li jifforma mużiċisti li jferħu lil dawk li jkunu qegħdin jisimgħuhom.
Ġeneralment kien hemm erbgħa livelli ta’ klassijiet, imma ġewwa Dijon l-istudenti setgħu jitilgħu l-aktar sat-tielet livell, u kien hemm bejn sitta u sebgħa għalliema għal kull klassi. In-numru ta’ studenti ġewwa l-Konservatorju qatt ma seta’ jaqbeż il-120 student. L-ewwel ma kienu jitgħallmu kien is-solfeġġ, jiġifieri l-kapaċita’ li jaqraw il-mużika, jdoqquha u jkantaw. Il-pjanista kien jiġi mitlub biex juża s-sensi kollha tiegħu barra x-xamm. L-informazjoni mill-għajnejn trid tgħaddi għas-swaba b’mod awtomatiku.
Fl-eta’ ta’ ħdax il-sena, Eliżabetta kienet diġa fit-tielet grad, u għalhekk kien jidher ċar li postha kellu jkun Pariġi, fejn setgħet faċilment tiżviluppa t-talent tagħħa. B’danakollu ommha ħasset li kien aktar għaqli li bintha tibqa’ tistudja l-armonija għal sentejn oħra, sa ma jkollha 15 il-sena.
It-tagħlim f’kull Konservatorju ta’ Franza, kien ta’ livell għoli ħafna peress li l-aħjar kompożituri u artisti ta’ Franza, kienu ħafna drabi għalliema. Ġieli ukoll kien hemm rivalita’ bejn wieħed u ieħor, kif nafu li ġara fil-kas ta’ l-Ittra 14.
Eliżabetta iżda ma kienetx biss iddoqq il-mużika, hi kienet tinterpretha. Xi jfisser dan? Id-daqq tal-mużika tista’ faċilment issir xi ħaġa mekkanika. Kif nafu l-pjanu hu strument li fih bħal mrietel ċkejkna iħabbtu fuq in-noti u joħorġu armonija mill-isbaħ, b’danakollu dik l-armonija mhi xejn għajr sett ta’ ħsejjes li waħedihom ma jiswew xejn. Għalħekk l-aħjar pjanisti kienu dawk li jinterpretaw il-mużika, jiġifieri dawk li jifhmu is-sens tal-mużika li jkunu qegħdin idoqqu. Filwaqt li Ghita kellha teknika aħjar minn dik ta’ Eliżabetta, imma Eliżabetta kienet tinterpreta aħjar il-biċċiet tal-mużika, u dan għax kienet ddoqqhom daqs li kieku kienu biċċiet tal-mużika li kitbet hi nnifisha. Sħabha kienu jintebħu li waqt li tkun qiegħdha iddoqq, Ġisimħa kollu kien jivvibra, ukoll jekk mingħajr esaġerażjoni u ggwidata minn mużika interjuri. Fl-aħħar mill-aħħar l-għalliema setgħu jgħallmu kif wieħed jaqra u jdoqq il-mużika, imma ma setgħux jgħallmu x’kien għaddej minn qalb u minn il-kompożitur fil-ħin li hu kien kiteb il-biċċa mużika. Eliżabetta daħlet f’dan l-ispirtu ta’ l-awturi, u b’hekk il-mużika li kienet iddoqq hi, kienet tispikka minn ta’ sħabha kollha. Mhux ta’ b’xejn li spiss kienet tiġi mfaħħra saħansitra fil-ġurnali tal-belt. Pjanista jista’ jimpressjona lill-udjenza tiegħu, mhux dejjem iżda jista’ jċaqlaq interjorment lil dawk li kienu qegħdin jisimgħuha. Il-mużika li kienet iddoqq Eliżabetta kienet mużika li ċċaqlaq l-udjenza tagħha.
Eliżabetta iżda mhux biss daqqet il-mużika waħedha. Spiss kienet iddoq flimkien ma oħrajn. Dan kien ifisser li l-pjanist prinċipali jrid jkollu sensibilita’ speċjali biex jifhem il-moviment tal-pjanista l-ieħor li jkun qiegħed jakkumpanjah u tantiċipalu n-noti hi. Hi d-differenza bejn sempli`i pjanist u artist. Eliżabetta kienet artista.
Eliżabetta kienet iddoqq daqslikieku qiegħdha ddoqq għal Alla biss. “Sejra nitlob għal Maddalena“ tikteb, “ħalli Alla jinvadiha sas-swaba ċkejkna tagħha; imbagħad nisfida lil kulmin jitħajjar jeħodha magħha. M’għandhiex għalfejn tkun nervuża; se ngħallimha s-sigriet tiegħi: hu meħtieġ li tinsa’ l-udjenża tagħha u timmaġina li qiegħdha waħedha ma’ l-Imgħallem divin; għalħekk hi għaliH biss li hi ddoqq b’qalbha kollha u ssir kapaċi toħroġ mill-istrument ħoss sħiħ, u fl-istess ħin b’qawwa u ħlewwa. O kemm kont inħobb inkelmu b’dan il-mod“ (Ittra 127 bis). Meta tisma’ ittra bħal din, taħseb li huwa faċli li wieħed juża din it-tattika. B’danakollu dan hu estremament diffiċli, u trid tkun kontemplattiv minn ġewwa, biex tagħmel dan bla ma tieħu żball. Għalhekk Eliżabetta qatt ma daqqet biex togħġob lilha innifisha jew lil ħaddieħor, hi kienet iddoqq għaliH, u għaliH biss. Kienet titlob il-ġudiżju ta’ ommha biss, imma dan kienet tagħmlu, għax għaliha -sal-Profesjoni reliġjuża tagħha- ommha kienet tirrapreżenta r-rieda t’Alla għaliha. Mhux ta’ b’xejn li meta Eliżabetta kienet fl-aqwa tagħha ġewwa l-Konservatorju ta’ Dijon, flok bdiet tħares lejn Pariġi, bħalma bosta minn sħabha kienu jagħmlu, hi għamlet il-vot privat tal-Verġinita’.
Mhux ta’ b’xejn ukoll, li meta Alla talab minnha li ma tibqax iddoqq, Eliżabetta ħasset li l’atteġjament tagħha kellu jkun biss li issa tiskot, biex tisma l-mużika l-ġdida, jiġifieri dik li Alla kien qiegħed idoqq fil-ħajja tagħha. Hi kienet saret dak l-istrument f’idejn Alla, u Alla l-mużiċista.
Għalhekk ma kkonfondiet xejn per eżempju meta daħlet fil-monasteru li issa kellha taħsel il-ħwejjeġ b’idejha. Pjanista professjonali għandha kura straordinarja lejn idejha, u għalhekk ħaġa bħal din żgur li qatt ma tagħmilha. “Kellna l-ħasla“ tikteb, “tant impenjajt ruħi li fil-għaxija kelli l-imtatef“ (Ittra 97). Lanqas għal kesħa tal-monasteru ma qatt gergret. Meta mistoqsija mis-Sinjura Angles rigward il-kesħa, hi tirrispondi: “lanqas biss nintebaħ li hi l-kesħa“ (Ittra 156). Idejha ma kienux importanti daqs kemm kienu qabel, għax issa kien Alla li kien qiegħed idoqq.
Filwaqt li hemm uħud li jwarbu lil Alla biex jqimu t-talent li jkollhom, dan ma kienx il-kas ta’ Santa Eiżabetta tat-Trinita’. Anzi kienet il-mużika li ffurmat lil Qaddisa u bir-raġun kollu nistgħu ngħidu li Eliżabetta mużiċista kienet u mużiċista mietet, bid-differenza li flok hi kienet tintefa’ ddoqq, kienet tħalli lil Alla juża lilha bħala dak l-istrument li fuqu Hu seta’ joħroġ armoniji mill-isbaħ. Il-misjoni tagħha tikkonsisti għalhekk filli tisma’ din il-mużika. Fl-aħħar mumenti ta’ ħajjitha, is-sorijiet kienu jintebħu li Eliżabetta kienet iżżomm idejħa bħal meta kienet tkun fuq il-pjanu. Meta kienu jsaqsuha jekk ħux qiegħdha tisma’ xi ħaġa, hi kienet twieġeb: ‘O, Madre, dawn huma l-arminiji divini’ (Summ., p. 350).
Mhux ta’ b’xejn li fil-famuża talba tagħha, tikteb: “Irrid ngħaddi ħajti nisimgħek,” filwaqt li lil Reverendu Chevignard tikteb: “m’għandekx int il-pasjoni li tisimgħU? Hu tant qawwi, xi mindaqqiet dan il-bżonn li wieħed jiskot“ (Ittra 158). Din hi ukoll ir-raġuni għaliex Ġesu ħallielna taħt is-salib tagħna lil Marija ommu, għax hadt daqsha ma seta’ jifhem il-kliem ta’ Ġesu, u għalhekk hi biss f’dawn il-mumenti tista’ ssemgħahomna mil-ġdid (ara L-aħħar Irtir 41)
1. Sa minn ċkunitha, permezz tal-mużika, Eliżabetta kienet mrobbija biex taħdem għal idejal. L-idejal tagħha sabitu f’San Pawl, jiġifieri dik li tkun konformi ma Kristu, u baqgħet tipprattika din il-mużika sa ma saret parti mil-ħsieb u mil-ħajja tagħha.
2. Permezz tal-mużika, Eliżabetta bniet fiha nnifisha dixxiplina interna. Dan għenha mhux ftit biex tirbaħ l-aspett negattiv tal-karattru tagħha. Biex wieħed idoqq tajjeb, hu meħtieġ għalih li jgħaddi siegħat twal jippratika l-mużika. Fil-kas ta’ Santa Eliżabetta hi qatgħet żgur ‘il fuq minn 12,000 siegħa ddoqq il-pjanu (jiġifieri daqs sena u erbgħa xhur sħaħ), u dan minn 230,490 siegħa li għexet. Din il-pratika kienet meħtieġa biex wieħed jirbaħ noti stonati, li l-għalliema kienu jqabbluhom ma dnubiet venjali, peress li l-inqas żball li jsir waqt il-provi kienu joħorġu waqt li tkun qiegħdha ddoqq imbagħad għal publiku. L-għalliema kienu jgħallmu ‘aħjar tbati meta tkun qiegħdha tipprektisja waħdek, milli tbati meta tkun fuq l-istaġe’.
3. Pjanisti ġeneralment kienu jibdew jitgħallmu biċċiet importanti u diffiċli sa minn eta’ ċkejkna, imbagħad jipperfeżjonawhom ma ż-żmien. Eliżabetta hekk għamlet rigward l-ideja li kellha tat-Trinita’, l-Inabitażjoni Trinitararja u tant idejat oħra. Bdiet tiskoprihom meta kienet għadha ċkejkna, imma daħlet fil-fond tagħhom meta kibret.
4. Eliżabetta kienet imħarġa fis-solfeġġ, jiġifieri fil-kapaċita’ li tgħaddi mill-għajnejn għall-idejn b’mod awtomatiku. Eliżabetta drat taqra mhux biss il-mużika b’dan il-mod; imma ukoll żgur li qrat l-awturi sakri, u l-aktar S. Pawl, b’dan l-ispirtu. Qabel ma dak li tkun qiegħdha taqra jasal f’moħħha, hi tkun diġa laħmitu f’ħajjitha.
5. Il-kitbiet tagħha ukoll ħadu l-istil tal-mużika miktuba. Dan għaliex meta aħna naqraw il-kitbiet tagħha nintebħu li fi ftit kliem, tikkoċentra ħafna ħsibijiet.
6. Eliżabetta kienet imħarġa sew fl-armonija, li hi mibnija fuq dik li tissejjaħ t-triadi, jiġifieri tliet noti li jindaqqu flimkien biex jiffurmaw ħoss aktar rikk. Issa Eliżabetta kienet ta’ spiss tgħaqqad tliet persunaġġi flimkien biex jiffurmaw nota waħda. Hi ssejħilhom rapporti Trinitarji’ (ara Ittra 218, 273, 286).
7. Lil Eliżabetta insibuha dejjem lesta li tferraħ lil ħaddieħor. Waqt li kienet iddoqq, imma wara ukoll.
F’Eliżabetta għalhekk naraw li minn pjanista, hi saret kompożitriċi (il-kitbiet tagħha huma tassew spartiti tal-mużika), sa ma fehmet li dak li Alla jrid minnha la hu dak li ddoqq mużika miktuba minn ħaddieħor (anki jekk dawn ikunu San Pawl, San Ġwann jew awturi oħra li inspirawha), u lanqas li sempliċement tikkomponi hi nnifisha l-mużika (il-kitbiet tagħha), imma li ‘nintelaq f’idejk bħal priża’ (Talba Trinitarja tagħha) u ssir l-istrument hi nnifisha li minnu Alla joħroġ l-armoniji divini. Alla għalhekk isir il-mużiċista, u Eliżabetta l-istrument li tintleaq f’idejn Alla bħal priża biex minnha joħorġu armoniji divini.
Lil oħtha Ghita, Eliżabetta tikteb hekk: “Għix ġewwa fik flimkien magħhom fis-Sema ta’ ruħek: il-Missier jgħattik bid-dell tiegħU, jqiegħed bħal sħaba bejnek u bejn il-ħwejjeġ tad-dinja biex iħarsek kollok għaliH, Hu jikkomikalek il-qawwa tiegħU ħalli int tħobbu b’imħabba qawwija daqs il-mewt; il-Verb jistampa ġewwa ruħek bħal fuq kristal ix-xbieha tal-ġmiel tiegħU, ħalli int tkun safja bis-safa tiegħU, imdawla bid-dawl tiegħU, l-Ispirtu s-Santu jbiddlek fi strument tal-korda misterjuża li, fis-skiet, taħt il-mess divin, tipproduċi kantiku manifiku lill-Imħabba; imbagħad int tkun «it-tifħir tal-glorja tiegħU», dak li jiena ħlomnt li nkun fuq l-art. Tkun int li tieħu posti; jiena nkun «Laudem gloriae» quddiem it-tron tal-Ħaruf, u int «Laudem gloriae» fiċ-ċentru ta’ ruħek; oħt ċkejkna, din tkun l-għaqda bejnietna għal dejjem” (Ittra 269)
Il-Kardinal Magrassi jikteb: ‘Eliżabetta, il-mużiċista ċkejkna ta’ Dijon, li kienet iċċaqlak, tikkomwovi l-udjenzi ta’ quddiemha, issa qiegħdha tikkomwovi lid-dinja kollha. Din id-darba mhux aktar bil-mużika li hi qiegħdha ddoqq, imma bil-mużika li Alla qiegħed idoqq permezz tagħha. Hi għalhekk il-‘laudem gloriae’ ta’ Alla, hi ‘t-tif]ir tal-glorja ta’ Alla’. Amen’.