MONS. FRANCIS ADEODATU MICALLEF TAL-ASSUNTA (Francis, Tw. B’Kara 17.12.1928) Bin George u Marianna Camilleri, l-iżgħar wieħed minn fost ħutu s-sitta li baqgħu ħajjin. Novizzjat 15.8.1947, B’Kara. Professjoni temporanja 22.8.1948, B’Kara. Solenni 15.10.1951, Teresianum. Ordinazzjoni presbiterali 9.5.1954, Ruma. Ordinazzjoni veskovili 6.1.1982 minn Ġwanni Pawlu II fil-bażilika ta’ S. Pietru, Ruma.
Kien jattendi l-Mużew ta’ Fluer de Lys bħala magħżul, kandidat u fil-Milied 1946 sar soċju, fejn għallem ukoll il-Morali, l-Axxetika u kellu klassi tad-duttrina f’dan il-qasam. Għamel l-istudji tiegħu fl-iskola primarja ta’ B’Kara u mbagħad fil-Liċeo (Lija u Ħ’Attard), sa ma ħaddan l-Ordni ta’ 19-il sena. Mitmuma n-novizzjat u l-filosofija fil-kunvent ta’ B’Kara, fl-1950 beda t-teoloġija t-Teresianum u hemm ħa l-liċenzjat fit-teoloġija fl-1955. Lura f’Malta wara l-istudji tiegħu, beda jgħallem it-Teoloġija Morali u Spiritwali għall-ewwel fl-Ordni (B’Kara), u mbagħad ukoll, meta dan fetaħ, fl-INSERM. Għallem ukoll fl-Iskola Appostolika ta’ B’Kara. Fl-1957 ġie maħtur għall-ewwel darba Surmast tan-novizzi f’Bormla, ħidma li flimkien ma’ dik ta’ Surmast tal-istudenti, ġie magħżul għaliha iktar minn darba.
Pirjol B’Kara 1960-63. Wara sena kors fit-Teresianum, fl-1971 kiseb diploma fit-Teoloġija Spiritwali. Provinċjal 1972-73, u f’dan iż-żmien kien konventwali Bormla. Definitur Ġenerali bir-responsabbiltà ta’ Segretarju tal-Missjonijiet tal-Ordni 1973-79, sitt snin li fihom żar kważi l-missjonijiet kollha tal-Ordni u qiegħed l-ewwel ġebla tal-ewwel kunvent Karmelitan Tereżjan fil-Korea. Imbagħad inħatar Superjur lokali tat-Teresianum 1979-81. U kien wasal biex itemm dan l-uffiċċju meta fl-1981 ġie nnominat Vigarju Appostoliku tal-Kuwait (u Isqof Titulari ta’ Tinisia). Ġimgħa wara l-ordinazzjoni episkopali tiegħu, mar il-Kuwait. Fl-1998 fakkar il-ħamsin sena minn meta nfetħet l-ewwel kappella fil-Kuwait, bil-ħidma wkoll tal-patrijiet Maltin. Minn wara l-liberazzjoni tal-Kuwait mill-invażjoni tat-truppi tal-Iraq fil-1990, in-numru tal-Kattoliċi fil-Kuwait hu bejn sittin u tmenin elf, u l-Insara b’kollox huma mal-220,000 ruħ. Fil-Kuwait huwa bena l-Cathedral Complex u residenza ġdida għall-Isqof tal-Kuwait.
Meta temm il-missjoni tiegħu fil-Kuwait mar joqgħod fil-kunvent ta’ S. Tereża, Bormla, u mbagħad fil-kunvent ta’ B’Kara.
Għadda għall-ħajja ta’ dejjem nhar il-Erbgħa 3 ta’ Jannar 2018 fl-eta ta’ 89 sena. Il-quddiesa tal-funeral saret fil-Kon-katidral ta’ S. Ġwann, il-Belt, immexxija mill-Arcisqof Mons.Charles J, Scicluna. Indifen fil-kripta storika tal-kunvent, Santa Tereża, Bormla.
Biography in English: http://www.avona.org/kuwait/bishop_micallef.htm#.Wk8vTbaZOPk
A tribute by his successor: http://www.avona.org/kuwait/events/tribute_to_bishop_francis.htm
Beautiful homily by the Archbishop of Malta: http://thechurchinmalta.org/mt/posts/75070/l-arcisqof-waqt-il-funeral-tal-isqof-adeodato-micallef-qum-ha-jiddi-wiccek-id-dawl-tieghek-wasal-is-60%2C1