VOKAZZJONIJIET
Patri Karm jikteb :
“Aħna t-Tereżjani kważi ta’ kull sena jkollna magħna xi studenti li jkunu jistudjaw Ruma matul is-sena akkademika u li fil-vaganzi tas-sajf jintbagħtu Malta sabiex jistudjaw l-Ingliż.
Ospitajna dawn l-aħħar snin fil-kunventi tagħna studenti minn diversi pajjiżi –mill-Italja, mill-Polonja, mill-Kroazja, mill-Burundi [fl-Afrika]. Kellna wkoll studenti mill-Paragwaj u mill-Venezwela [fl-Amerika Latina]….u dan billi l-Ordni Tereżjan hu preżenti f’kull kontinent…..eżattament f’87 pajjiż.
Dan is-sajf kellna magħna erba’ studenti. Barra dawn, qatta’ xi granet magħna żagħżugħ mill-Korea t’Isfel ukoll. Dan kien qiegħed jagħmel pellegrinaġġ Marjan fl-Ewropa waqt il-mistrieħ tiegħu mill-istudji.
Minn dawn l-erba’ studenti, tnejn kienu mill-gżira tal-Madagaskar, filwaqt li ieħor kien mill-Indoneżja u ieħor aktar qrib taghna għax hu mill-Eġittu.
L-aktar li laqatni kien il-fatt li dawn it-tliet pajjiżi mhumiex pajjiżi Kattoliċi u għalhekk dawn l-istudenti għandhom ħafna ostakoli, li aħna f’pajjiżna lanqas biss noħolmuhom. Hekk, pereżempju, fl-Eġittu hemm ir-riskju li ta’ kull darba illi l-Insara jmorru l-Knisja dawn jinqatlu b’xi splużjoni….. kif fil-fatt seħħ ftit tax-xhur ilu, meta splużjoni ħalliet 25 persuna mejta.
L-Indoneżja mbagħad huwa l-akbar pajjiż li fih Musulmani fid-dinja u fejn l-Insara jlaħħqu biss xi 10% tal-popolazzjoni. Anke hawn uħud mill-Insara huma suġġetti għall-persekuzzjoni, mhux biss dik fiżika izda wkoll dik psikoloġika.
Ġewwa l-Madagaskar l-Insara wkoll huma f’minoranza għax jgħoddu daqs kwart tal-popolazzjoni – dawk illi jemmnu f’Ġesù Kristu, u dawn naturalment, ma jħaddnux kollha l-fidi Kattolika.
Jiena, bħala promotur għall-vokazzjonijiet, ħsibt illi waqt li huma jkunu magħna nieħu l-opportunità biex nagħmel lil kull wieħed minnhom intervista qasira bil-ħsieb illi nagħmel il-qalb lil dawk iż-żgħażagħ tagħna li jaqraw din ir-rivista biex jekk xi ħadd minnhom qiegħed iħoss li l-Mulej qiegħed isejjaħlu [jew isejħilha] ma joqogħdux lura milli jweġbuh.
Patri Karm