LECTURER L’ITALJA U MALTA – PATRI ADRIAN ATTARD



(1)   Kull vokazzjoni għandha l-istorja tagħha. Tista’ taqsam magħna l-istorja tal-vokazzjoni tiegħek? X’inhu l-aktar li ġibdek lejn il-patrijiet Tereżjani?


Jien ma nistax ngħid li l-vokazzjoni tiegħi skoprejtha f’xi ġurnata jew mument partikulari. Tassew li kelli s-Santwarju ta’ S. Tereża f’B’Kara qrib id-dar tiegħi, u l-frekwenza u s-servizz tiegħi hemmhekk influwenzawni mhux ftit. Imma l-vokazzjoni tiegħi nipprova niskopriha kuljum u nara kif nista’ ngħixha b’mod ġdid, minkejja d-dgħjufija tieghi. Kien u għad hemm xi mezzi oħra li għenuni f’dan il-proċess dinamiku, bħal ngħidu aħna l-ispiritwalità imparagonabbli tagħna u l-ħajja fraterna u pastorali. Wieħed żagħżugħ marid b’marda terminali m’ilux tani kuraġġ indeskrivibbli meta qalli kemm ħu sabiħ li s-saċerdot patri, bħali, ikun ministru tal-imħabba t’Alla.

Jiena dħalt mal-patrijiet Karmelitani Skalzi ta’ Malta fl-1992. Wara sentejn bħala postulant Bormla, intbgħatt Trentu għan-novizzjat. Għamilt l-ewwel professjoni tiegħi fl-4 ta’ Settembru 1994. Studjajt il-filosofija Brescia u t-teoloġija Ruma. Ordnajt djaknu fl-1999 u presbiteru fl-1 ta’ Settembru 2000. F’dan iz-zmien ġibt il-Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali fl-Università ta’ Malta u d-Dottorat fit-Teoloġija fil-Pontifiċja Università Gregorjana Ruma. Bejn l-2002-2005 kont Segretarju Ġenerali fil-Pontificia Facoltà Teologica Teresianum Ruma. Hawnhekk għadni ngħallem bħala Associate Professor sal-lum.

Minkejja li jagħti l-każ li nħolqot prijorità ġo fija għal ċertu stil ta’ ħajja akkademika, xorta waħda ngħix ġo kunvent ma’ patrijiet oħra bħali. Hu hawnhekk li jien insib lili nnifsi, ibda minn sempliċi orarju komuni. Minn din il-ħajja Karmelitana, però, l-iktar ħaġa li tolqotni hi l-interjorità, bħala dinamika ta’ trasfigurazzjoni u trasformazzjoni fi Kristu. Interjorità bħala mument fejn wieħed idur lejn qalbu u jiskopri go fiha l-preżenza ta’ Kristu, dak Alla li hu: «interior intimo meo et superior summo meo». U dan nipprova ngħixu fuq l-eżempju konkret ta’ Marija Omm Alla, ikona ħajja għall-Ordni Karmelitan kollu.

(2) Nafu li għamilt it-teżi dottorali tiegħek u ġibt marki għoljin ħafna fuq il-Madonna. X’importanza għandha l-Madonna fit-tagħlim u fil-ħajja tal-Patrijiet Tereżjani?


Veru li t-teżi dottorali tiegħi għandha xejra Marjoloġika, imma mhux esklussivament. Hi pjuttost ir-riżultat tal-istudji tiegħi fl-antropoloġija teoloġika. Tassew li ġibt punti massimi u ngħatajt rikonoxximent mill-università stess, l-iktar għall-kontribut oriġinali biex nibni pont li għal xi wħud jidher impossibbli: qed nirreferi għar-rapport li jien nara bejn il-femminiżmu modern u l-Magisteru tal-Knisja. Fuq livell teoloġiku ħdimt biex jiġi wzat il-metodu ta’ djalogu bejn is-sessi; id-distinzjoni sesswali ma tingħarafx biss fid-differenza tagħha imma għandha tigi wzata bħala kundizzjoni sinifikattiva fl-eżistenza umana. Issuggerejt ukoll biex jigi wżat lingwaġġ Marjan-femminili bħala kwalità ġdida kif tibni diskors teoloġiku, li ma jkunx bi preġudizzju imma interlokutorju.

Il-Verġni Marija għandha post importanti fit-tagħlim tiegħi mhux biss fejn għandha x’taqsam il-figura tagħha fit-teoloġija dommatika u fl-ispiritwalità, imma anke fl-antropoloġija. Infatti, kif jgħid wieħed mill-isbaħ dokumenti tal-Konċilju Vatikan II «Marija, minħabba s-sehem tagħħa fl-istorja tas-salvazzjoni, b’xi mod tgħaqqad fiha u tirrifletti l-ġrajja ewlenija tal-fidi» (Lumen gentium 65).

Għall-Karmelu, ir-relazzjoni ma’ Marija ma tistax tieqaf fuq xi devozzjoni speċjali jew partikulari. Meta nitkellmu fuq Marija, qed nitkellmu fuqna stess, fuq il-vokazzjoni tagħna, fuq l-identità u l-missjoni tagħna fil-Knisja u fid-dinja. Marija tidentifika ruħha magħna. Karl Rahner jgħid li wieħed ma jistax jitkellem fuq Marija jekk l-ewwel ma jitgħallimx jitkellem fuq il-bniedem. Mhux ta’ b’xejn, mela, aħna l-Karmelitani magħrufin bħala «Fratres Beatae Virginis Mariae», li nistgħu naqilbuha għall-Malti kemm bħala «patrijiet» e kemm bħala «aħwa», differenza li għandha implikazzjonijiet sinifikattivi. Infatti, meta wieħed jgħid li aħna l-«patrijiet» tal-Vergni Marija qed ifisser li tagħna hu Ordni reliġjuż speċifikament Marjan; li wieħed jgħid li aħna «aħwa» ta’ Marija għandu sinifikat profond u speċifiku, għaliex ifisser tara lil Marija bħala oħtna, affermazzjoni li matul iż-żmien qajmet ħafna perplessità u kritika. Il-punt però hu li llum jeħtieġ niskopru lil Marija fil-verità biblika u teoloġika tagħha, propju għaliex hi, bħala oħt, omm u patruna, tista’ tgħallimna nibnu komunità u tibnina bħala persuni ta’ komunità. Dan jista’ jseħħ jekk bħalha nitgħallmu nsiru «ommijiet» fejn Kristu jikber u jaħdem ġewwa fina, u ngħixu ħajja ta’ gratwità, u ta’ servizz fil-libertà.

 

(3) Inti għadek tgħallem fil-Pontificia Facoltà Teologica u fl-Istitut tal-Ispiritwalità Teresianum f’Ruma. X’inhu s-suġġett ewlieni tiegħek? Issibha diffiċli taqsam ħajtek bejn tgħallem f’Ruma u taħdem fis-Santwarju B’Kara?

Kemm fl-Università ta’ Malta u kemm f’Ruma, kif qed tgħid, is-suġġett prinċipali tiegħi hu dejjem l-antropoloġija. Hi xjenza moderna u sabiħa għax titkellem fuq il-bniedem minn kull angolu tal-ħajja. Għalkemm żminijietna huma s-snin li tkellmu l-iktar fuq il-bniedem u d-drittijiet tiegħu, xorta waħda jibqgħu wkoll żminijiet li fihom tlifna kull sens ta’ x’jiġifieri tkun verament bniedem. Bħalma darba għedt ġewwa l-Università ta’ Sorbonne f’Pariġi, il-bniedem ġie maħluq biex jgħix forma ta’ «metafiżika tal-imħabba» għax fih innifsu huwa «spirtu mlaħħam»; għalhekk irid jitgħallem jiskopri kuljum għaliex hu persuna, u x’post għandu jkollu l-aspett spiritwali u traxxendentali f’ħajtu.

Hemm differenza bejn ix-xogħol tiegħi f’Ruma, u dak li nagħmel fil-kunvent f’Malta. Waqt is-sena akkademika jkolli x-xorti li naqsam ħajti ma’ kollegi professuri u studenti mid-dinja kollha. Hi esperjenza li ilni nieħu minnha ħafna ġid u swietli biex tiftaħli orizzonti ġodda. Meta mbagħad ninżel Malta u nqatta’ iktar żmien fil-pastorali, ikolli mumenti biex inkun ta’ servizz u niltaqa’ man-nies fuq livell differenti. Inħoss li dan l-ekwilibriju bejn iż-żewġ realtajiet qed jagħmilli ħafna ġid.

(4) Bħalissa l-ħajja reliġjuża għaddejja minn mument tqil. Għaliex? U x’nistgħu nagħmlu ħalli noħorġu minnha?

Il-ħajja reliġjuża bħalissa naraha għaddejja minn ċerta apatija u għatx kbir għal spirtu komunitarju. Is-sitwazzjoni li qegħdin ngħixu fiha bħalissa ilha għaddejja snin u hi b’xi mod paradossali. Fuq naħa waħda, insibu bżonn qawwi ta’ komunità, speċjalment fost il-ġenerazzjoni ż-żgħira jew dawk inqas anzjani. Ix-xewqa li tgħix f’komunità hija pożittiva, imma ovvjament teħtieg maturità u purifikazzjoni minn tendenzi infantili, bħalma hu l-bżonn ta’ protezzjoni, ta’ indulġenza, il-biża’ mis-solitudni u mir-responsabiltà personali. Min-naħa l-oħra, ix-xewqa ta’ komunità taħbat ma’ tendenzi li jkissru l-ħajja komunitarja. Nistgħu ngħidu li qatt ma xtaqna ngħixu f’komunità, imma fl-istess ħin inħossuna bla ħila li nibnuha.

U dan jgħodd għal kull forma ta’ komunità fil-ħajja: mill-komunità familjari għall-ambjent soċjali fejn taħdem il-komunità ekkleżjali, il-parroċċa jew gruppi oħra ekkleżjali. Il-bżonn ta’ komunità jaqa’ faċilment għall-emozzjoni, għall-affett, mingħajr ma jirnexxielu jinbidel f’rieda adulta li tibni xi ħaġa li tibqa’. Jitħabblu f’xulxin bosta relazzjonijiet, partikolarment dawk virtwali, imma din iz-zjieda kwantitativa mhix immexxija minn approfondiment kwalitattiv. Għalhekk ir-relazzjonijiet ma jniżżlux għeruq u jsiru fraġli. Ir-relazzjoni hi pjuttost xi ħaġa estremament delikata u vulnerabbli. Hi realtà ħajja, li għandha bżonn ħafna kura, speċjalment f’mumenti ta’ kriżi, li huma wara kollox mumenti biex nikber permezz tagħhom. Għalhekk inħoss li l-ħajja komunitarja mhix xi ħolma li ma tistax titwettaq. Hi realtà possibbli jekk kemm-il darba jien inkun lest li nemmen fija nnifsi u fl-oħrajn.