Waqt Definitorju Straordinarju li ġie ċċellebrat ġewwa Ariccia bejn id-29 ta’ Awissu u s-6 ta’ Settembru, il-Provinċjal tat-Tereżjani f’Malta P. Juan De Bono ocd, ġie maħtur għat-tliet snin li ġejjin bħala l-President il-ġdid tal-Kumitat tal-Provinċjali Ewropej.
Dan il-Kumitat jorganiżża programmi ta’ Formazjoni għal-Furmaturi Ewropej, kif ukoll laqgħa għall-istudenti Ewropej. P. Juan flimkien mas-Segretarju, iżommmu kuntatt mal-Provinċjali Ewropej, jinfurmawhom dwar x’inhu għaddej fuq livell Ewropew u jlaqqugħhom darba fis-sena. Il-laqgħa li jmiss se titratta tema l-Ewropa u l-Islam.
P. Juan li studja ġewwa Brescia u Ruma, ġie maħtur Provinċjali tat-Tereżjani Maltin f’April li għadda. Il-Patrijiet Karmelitani Skalzi qegħdin 4300 madwar id-dinja kollha u terz minn dawn jinsabu fil-kontinent tagħna Ewropew, mifruxa fi 28 pajjiż. L-akbar numri jinsabu ġewwa Spanja, l-Italja u l-Polonja, imma tista’ tgħid hemm preżenza Tereżjana fil-pajjiżi kollha Ewropej.
It-Tereżjani ilhom Malta mill-1624, meta kien infetaħ Kulleġġ Internazjonali ġewwa Bormla, biex jeduka l-istudenti Ewropej qabel ma jmorru l-Missjoni. Mil-Kunvent ta’ Bormla għaddew mijiet ta’ patrijiet Ewropej żgħażagħ li marru l-aktar ġewwa l-Persja u l-Lvant Nofsani. Il-Knisja storika ta’ S. Tereża ġewwa Bormla hi l-ewwel waħda li qatt ġiet iddedikata lil din il-Qaddisa fid-dinja kollha. Bosta Maltin kienu huma ukoll jitilqu minn dan il-kunvent bħala missjunarji u bosta għamlu isem għal pajjiżhom.