Għall-festa tat-titular, ġew imwaħħla mas-saqaf tal-Knisja ta’ Santa Tereża ġewwa Bormla, l-ewwel fost sensiela ta’ pitturi li qed jitpittru fuq tila u jitqiegħdu mas-saqaf tal-erba’ navetti tal-knisja tal-Patrijiet Tereżjani ta’ Bormla.
Dawn il-pitturi se jirrappreżentaw erba’ qaddisin irġiel u erba’ nisa wlied Santa Tereża.
Din il-Knisja hija l-ewwel knisja fid-dinja kollha li giet dedikata lil Santa Tereża. Fiha l-Patrijiet Tereżjani ilhom jgħammru u jaħdmu għal aktar minn 400 sena. Hija tassew ġawhra arkitettonika.
Il-pittura hi tal-artist emerġenti Għawdxi Manuel Farrugia.
Waħda mill-pitturi tirrappreżenta lil Santa Eliżabetta tat-Trinità, soru Tereżjana tal-klawsura, Franċiża. Kienet mużiċista ta’ ħila. Bniet il-ħajja spiritwali tagħha fuq l-esperjenza tal-Għamara tat-Trinità Qaddisa fina. “Aħna qegħdin il-ġenna għax il-ġenna hija t-Tlieta u t-Tlieta qegħdin fina!”
Swor Tereża de los Andes kienet soru Ċilena. Sportiva u mimlija entużjażmu daħlet soru Tereżjana ta’ 19-il sena. Il-motto tagħha kien “Alla huwa Ferħ bla qjies”. Hi serqet ħafna qlub bl-hena tagħha, frott tal-għaqda tagħha ma’ Dak li hu kollu ferħ.
Ħafna faħħru r-realiżmu artistiku ta’ dawn il-pitturi. Il-pitturi l-oħra se jitqiegħdu fil-Knisja fix-xhur li ġejjin.