Ktieb tassew interessanti li għadu kif ħareġ huwa l-ktieb ta’ Patri Wistin Vella OCD, Il-Ħabib Sieħeb ta’ Gesu’. Huwa ġabra ta’ meditazzjonijiet fuq l-istil tal-Imitazzjoni ta’ Kristu. L-awtur stess jgħid “huwa ktieb ta’ talb ta’ taħditiet qalb ma’ qalb ma’ l-Imgħallem.”
Il-bniedem, kull bniedem, jkollu jħabbat wiccu l-ħin kollu ma’ ħafna weġgħat u problemi huwa hu jterraq fil-mixja tal-ħajja. Problemi fuq x-xogħol, problemi fil-familja, problemi miegħu nnifsu… ħafna drabi jħossu waħdu. U l-problemi jidhru qishom muntanja u huwa qisu nemla żgħira quddiemhom. Ma jkunx jaf x’se jaqbad jagħmel. It-tentazzjoni li jibgħat kollox jixxejjer tkun kbira ħafna.
Pero, in-nisrani hu xxurtajat. Għandu ħabib setgħan u mimli tenerezza. Meta Santa Tereża sabet ruħha mirduma bil-problemi li tfaccaw meta ġiet biex tibda r-Riforma Tereżjana, kien Ġesu’ stess li qalilha “Tibżax bini. Jiena hu. Qatt ma jiena se nitilqek.” U dan kien biżżejjed għaliha biex tkompli miexja ‘l quddiem.
Aħna wkoll għandna ħabib li jixtieq jimxi magħna. Ħalli jgħina. Ħalli jfarraġna. Ħalli jnewlilna idu meta nkunu se naqgħu. “Ġesu’ hu s-sieħeb mimli sabar li jterraq magħna fil-mixja tal-ħajja” San Ġwann Pawlu II kien qal liż-żgħażagħ.
Hu sewwa sew għalhekk li dan il-ktieb huwa prezzjuż. Bħal ma’ kiteb l-awtur stess, “Nittama li dan il-ktieb iwieġeb għax-xewqa ta’ ħafna li jkollhom f’idejhom ktieb ta’ tħejjija għat-talb personali, sod u mħeġġeg. Jew, skont fejn il-qarrej ikun qiegħed fil-mixja spiritwali, isibu bħala stimolu għal imġiba li żżid il-ħerqa għal kull dmir Nisrani f’dinja għatxana għax-xhieda sħiħa u safja.” Dan il-ktieb jista’ jgħinek ħalli timxi id f’id miegħU…
Il-ktieb fih erba’ taqsimiet. Jibda bil-KONVERSJONI. Jgħaddi għall-MIXJA LEJN L-ISPIRTU. Jterraq fit-TKATTIR FL-IMĦABBA. U jagħlaq bl-EWKARISTIJA GĦAJN U QUCCATA TAL-ĦAJJA NISRANIJA. Kull taqsima fiha mal-għoxrin kapitlu.
Mons. Profs Hector Scerri kkumenta li dan il-ktieb “huwa imprezzabli…. Nerġa ngħidlek… huwa more than worth it li tippublikah. Lili għamilli ħafna ġid.” U Patri Piju Sammut qal “Patri Wistin irnexxielu jikteb ktieb-ġawhra li jgħina nimxu tassew f’din l-Imħabba.”
Il-ktieb jinbiegħ 4 euros mill-kunventi tagħna. 4.5 euros mil-ħwienet ewlenin.