Rivista prezzjuża anke jekk mhiex magħrufa hija r-rivista li joħorġu l-Patrijiet Tereżjani hawn Malta. Jisimha’ TERESA. Hi rivista dedikata għall-ispiritwalita’.
Niftakar darba wieħed mill-Presidenti ta’ Malta, Dr. Ugo Mifsud Bonnici, jgħidilna lilna l-Patrijiet Tereżjani, li t-tweġiba vera għall-problemi li qed tiffacja s-socjeta’ illum hi l-ispiritwalita’. Kellu raġun. Ħafna jaħsbu li dak li għandna bżonn fil-ħajja hu aktar flus. Jinsew li l-bniedem hu spirtu wkoll. U jekk ma titmgħax l-ispirtu, tibqa’ vojt minn ġewwa u mal-ewwel riħ qawwi, tiġġarraf.
Din ir-rivista, li fiha artikli minn kittieba lokali u barranin esperti fil-qasam tal-ispiritwalita’, toħroġ f’4 volumi fis-sena. Ikun fiha mat-tmenin paġna kull darba. Artikli fuq il-ħajja tat-talb, l- Santa Tereża u San Ġwann tas-Salib, dixxerniment spiritwali, il-vokazzjonijiet, spiritwalita’ ta’ l-armonija, il-fidi, fejqan spiritwali u ġewwieni, direzzjoni spirtwali, meditazzjoni, …
Il-ħsieb wara din ir-rivista hija li tkun rivista enciklopedika, jiġifieri li wara certu numru ta’ snin tkun tiġbor artikli xjentifici dwar is-suġġetti kollha marbuta ma’ l-ispirtwalita u hekk wieħed ikollu access għall-minjiera sħiħa tat-temi li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja interjuri tagħna. Normalment koll numru ikun dedikat għal tema partikulari.
Biex tabbonna, biżżejjed tibgħat email lil Patri Wistin Vella ocd, avvella@gmail.com. L-indirizz huwa : Kunvent Santa Tereżina, Triq il-Wied, B’kara BKR9010. L-abbonament fis-sena huwa ta’ 11.65 Euros fis-sena.
Hemm numru limitat ta’ backnumbers fuq diversi suġġetti : It-Talb, L-Ewkaristija, Ġisem u Spirtu – Spiritwalita ta’ Armonija, Is-Sena tal-Ħniena, Virtujiet u Spiritwalita…..