(Manwel Schembri)
Membru tal-familja reliġjuża ta’ l-Aħwa Karmelitani Skalzi (it-Tereżjani) għal kważi 40 sena, 31 minnhom bħala saċerdot. Imwieled B’Kara, ta’ 5 snin kien emigra mal-familja l-Awstralja għal ftit snin. F’Malta ħass is-sejħa li jingħaqad mat-Tereżjani. Studja fl-INSERM u temm b’suċċess ukoll kors ta’ Teoloġija Spiritwali t-TERESIANUM – il-Kulleġġ Internazzjonali tal-Ordni f’Ruma. Fil-Provinċja huma ngħata l-kura tan-Novizzi, u wara tal-Postulanti u wkoll tal-Professi fil-kunvent ta’ Bormla. Mill-1990 hu kien intalab iwettaq missjoni fil-Kanada (Lucan u London, Ontario) u hemm ħadem ħafna ma’ għadd ta’ komunitajiet tas-Sekulari Tereżjani f’dik iż-żona. Inħatar Kappillan u Superjur tal-parroċċa ta’ St. Andrew Apostle f’London stess. Ġie lura Malta fl-1996 u mar fil-komunita’ ta’ B’Kara. Ftit wara ntgħażel Pirjol ta’ din l-istess komunita’. Tħabat biex is-Santwarju jkun solenniment ikkonsagrat u biex tinġieb minn Ruma x-xbieha ta’ Santa Tereza tal-Bambin Ġesu’ li nsibu esposta fl-Urna. Għal xi żmien kien ukoll Superjur Tas-Silġ u iktar tard Superjur fi Scarborough, Ontario (Kanada). Għal 8 snin sħaħ huwa mexxa l-provinċja Maltija bħala Provinċjal f’mument mill-iżjed delikat fl-istorja tagħna. Fl-aħħar Kapitlu Provinċjali (2017), minkejja s-saħħa dgħajfa tiegħu, aċċetta li jservi bħala Pirjol fil-parroċċa ta’ Ta’ Xbiex. Mill-kamra tiegħu fid-Dar tal-Kleru u mis-sodda tal-Isptar Mater Dei, fejn għadda dawn l-aħħar xhur jipprova jirkupra saħħtu, baqa’ jitħabat u jinteressa ruħu f’dak li kien iħobb jagħmel ħafna: jikteb dwar l-istorja u l-ispiritwalita’ tal-Karmelu Tereżjan!
Nhar il-Ħamis, 11 ta’ Ottubru, wara nofs-in-nhar isir it-trasport tal-fdalijiet fil-Isptar Mater Dei għall-Knisja Parrokkjali ta’ Ta’ Xbiex fejn jitħalla biex il-parruċċani juru r-rispett tagħhom. Ikun hemm ukoll mument ta’ talb u quddiesa komunitarja fis-6:00 pm.
Il-Ġimgħa, 12 ta’ Ottubru fid-9:00 am jsir it-trasport mill-knisja ta’ Ta’ Xbiex għas-Santwarju ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’, B’Kara u għal ħabta tad-9:30 am tibda Konċelebrazzjoni Komunitarja. Id-difna ssir b’mod privat.
Kulħadd mistieden jingħaqad magħna ħalli nagħtuh tislima xierqa ta’ ħajr u gratitudni.